Awdjo: Il-Berġa tal-Ingilterra fil-Birgu se tinkera għal €15-il miljun

Is-Sindku tal-Birgu John Boxall ikkonferma li l-Berġa tal-Ingilterra fil-Birgu se tinkera mill-Gvern Malti lill-Gvern Amerikan għal €15-il miljun fuq perjodu ta’ snin.
Il-ġimgħa li għaddiet, Newsbook.com.mt żvela li l-Berġa se tinkera lill-Gvern Amerikan biex fiha jiftaħ istitut kontra t-terroriżmu. Il-kelliema tal-Ministeru kienet spjegat li l-istitut ‘se jkun mitlub iħallas kera żgħira ħafna’
Minħabba li l-Kunsill kellu jċedi il-Berġa, minnha kellhom jitneħħew il-librerija u l-berġa għas-saħħa primarja.
Il-librerija reġjonali se timxi lejn Couvre le Port, li kien iservi bħala l-bini antik tal-Kunsill Lokali tal-Birgu, filwaqt li parti mill-uffiċini tal-Kunsill Lokali se jilqgħu il-berġa tas-saħħa primarja.
Is-sindku tal-Birgu ikkonferma li fl-istess waqt għadhom għaddejin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin biex minflok il-Berġa, il-Gvern Amerikan jingħata l-Armerija, fejn bħalissa qed isir ir-restawr.
L-istitut kontra t-terroriżmu mistenni jġib lejn Malta mħallfin u maġistrati minn madwar il-Mediterran.