Awdjo: “Il-baħar ta’ madwarna huwa qabar”

Il-baħar ta’ madwarna huwa qabar, hekk qalet id-Direttur tal-Fondazzjoni Integra, Maria Pisani, f’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt. Hi qalet li  dis-sena s’issa 1500 persuna tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaqsmu biex jfittxu ħajja aħjar.

Illejla se tkun qed tittella velja bl-isem ta’ Ports of Hope fis-7.30 ġewwa l-port ta’ Marsamxett fejn se jkunu qed jitfakkru dawk kollha li tilfu f’ħajjithom meta kienu qed jaqsmu lejn l-Ewropa. Hi saħqet li dis-sitwazzjoni ma tistax tkompli, u li n-nies li qegħdin ifittxu ħajja aħjar fl-Ewropa ma għandhomx għalfejn jirriskjaw ħajjithom.

‘L-NGOs qed jagħmlu dak li suppost qed jagħmlu l-Gvernijiet Ewropej’ – Colin Calleja

Colin Calleja mill-għaqda Solidarjetà mal-Immigranti f’kumment li kien ta lil Newsbook.com.mt saħaq li nsalvaw il-ħajjiet għandha dejjem tibqa’ prijorità. Huwa saħaq li mill-2014 l-għaqdiet mhux governattivi ħaduha f’idejhom biex isalvaw il-ħajjiet tal-immigranti li jieħdu l-vjaġġ perikoluż u jaqsmu mill-baħar. Huwa saħaq l-għaqdiet spiċċaw jaffrontaw kampanja ta’ tfiegħ it-tajn fil-konfront tagħhom meta pinġewhom bħala għaqdiet li qed jaħdmu mat-traffikanti tal-bnedmin jew li qed iservu biex jidħlu iktar immigranti fl-Ewropa. Huwa saħaq lix-xogħol li qed isir mill-għaqdiet bħal Lifeline, huwa xogħol li suppost qed isir mill-Gvernijiet Ewropej.

Calleja qal ukoll li hi daqqa ta’ ħarta f’wiċċ ix-xogħol li jsir mill-għaqdiet mhux governattivi, meta l-Kaptan tal-Lifeline tressaq quddiem il-Qorti minħabba li salva l-immigranti mill-għarqa.

Solidarity with migrants statement on the eve of Ports of Hope vigilSaving lives should be a priority Since 2014,…

Posted by Colin Calleja on Wednesday, July 4, 2018

F’mistoqsijiet li ntbgħatu lill-kelliema uffiċċjali taż-żewġ partiti dwar jekk illejla hux se jkunu qed jattendu l-velja bl-isem Ports of Hope li se tkun qegħda tfakkar dawk kollha li tilfu ħajjithom huma u jaqsmu mill-Afrika, il-Kelliem tal-Partit Laburista, Aleander Balzan, wieġeb li għalkemm il-Partit ma kienx mistieden b’mod uffiċċjali, uffiċċjali mill-Partit se jkunu xorta qed jattendu għall-velja. Fi kliem Balzan dan għaliex hemm bżonn jingħada l-messaġġ lid-dinjità umana għandha titħares filwaqt li jkun imħares ukoll l-interess nazzjonali. Għall-istess mistoqsija, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista, Jesmar Baldacchino wieġeb li l-Partit mhux se jkun qed jibgħat delegazzjoni iżda kulħadd huwa liberu li jattendi.