Awdjo: Iktar rabja dwar nuqqas ta’ konsultazzjoni f’Ħal Lija

Min jippreferi li jnaqqas il-konġestjoni, oħrajn jaraw ċertu miżuri bħala dannu ambjentali.
Reazzjonijiet diversi spikkaw wara li minħabba xogħlijiet li qed isiru fi Triq in-Naxxar f'Ħal Lija, bil-għan li titnaqqas il-konġestjoni, tqaċċtu għadd ta' siġar tal-ballut. 
Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport qal li 2,400 vettura fis-siegħa jgħaddu minn din it-triq kull filgħodu biex jaslu mill-Mosta lejn Ħal Lija, Birkirkara u Triq Dun Karm (Birkirkara bypass), jew bil-kontra.
Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku ta’ Ħal Lija, Magda Magri Naudi, li esprimiet rabja għax il-kunsill ma kien infurmat b’xejn dwar dawn ix-xogħlijiet. Iżda nhar il-Ġimgħa raw trakkijiet jgħabbu zkuk ta' siġar u jeħduhom 'l hemm. 
Magri Naudi stqarret li meta kienet ġabet uffiċjal ta’ Transport Malta biex issir zebra crossing, dan kien qalilha biex tistenna għax se jsir proġett tal-Gvern. Kompliet tgħid li ma kienx hemm konsultazzjoni mill-awtoritajiet dwar is-siġar, u jekk kinux protetti.
Spjegat li skont ir-Regolamenti għall-Protezzjoni tas-Siġar, siġra li jkollha aktar minn 50 sena hija protetta f’żona barra mill-iżvilupp, f’żona protetta, kif ukoll fi nħawi ta’ konservazzjoni urbana.
Għar-rabja ta' diversi persuni li rrikorrew għall-midja soċjali, fejn anke staqsew jekk il-Kunsill ta' Ħal Lija jobgħodx is-siġar, Magri Naudi qalet li xi nies qalulha li s-siġar kellhom aktar minn 100 sena.
Sadanittant, l-istqarrija mill-Gvern tgħid li se jittieħdu miżuri sabiex il-ħidma ma ttellifx mill-festa tar-raħal.
Ix-xogħol mistenni jitlesta f’Awwissu.
Reazzjoni mill-Ministeru għall-Ambjent
Intant ukoll il-Ministeru għall-Ambjent qal li b’rabta ma’ dan il-proġett, tħarsu r-regolamenti kollha dwar il-metodi li ntużaw biex tqaċċtu s-siġar tal-ballut. Żied jgħid li Transport Malta ħadet ukoll ħsieb tiżra’ iktar siġar fl-inħawi ta’ Ħal Lija u l-Iklin. 
Fir-ritratt: Is-Sindku ta' Ħal Lija (meħud mill-Facebook)