Awdjo: “Ikla għal dawk li jieklu waħedhom il-Ħadd”

“L-ikla hija ppreparata għal dawk li jieklu waħedhom il-Ħadd.” Dan kien kliem Fr John Buhagiar, ir-rettur taċ-Ċentru Pastorali ta’ San Luqa tan-Nigret ir-Rabat, dwar ikla li se ssir fis-6 ta’ Jannar.

“Din l-ikla hija għaż-żona tan-Nigret”, żied jgħid, “għal dawk li jgħixu waħedhom.” Din l-ikla hija mingħajr ħlas, u huwa mezz biex dawk li jgħixu fis-solitudni jkollhom opportunità jieklu flimkien ma’ nies oħra.

Fr Buhagiar tkellem dwar in-nies li jgħinu biex isajjru l-ikel, li kieku mhux għalihom, din l-ikla ma setgħetx tiġi organizzata. Huwa tkellem ukoll dwar in-nies li b’qalb kbira u ġeneruża, offrew li jagħtu xi ħelu u kejkijiet għal dawn in-nies biex ikollhom deżerta għall-ikla.

L-ikel li se jiġi mħejji se jkun ross, flimkien ma’ majjal bil-ħaxix u patata. Fr Buhagiar sostna li s’issa hemm 15-il ruħ li jaf li ġejjin, apparti minn nies li avviċinahom personalment u qalulu li ġejjin. Iċ-Ċentru Pastorali ta’ San Luqa appellaw biex jekk inti xiħadd li toqgħod fiż-żona tan-Nigret fir-Rabat u tgħix waħdek, jew taf lil xiħadd, tikkuntattja lil Fr Buhagiar fuq 21453347 biex tibbookkja post għall-ikla. Tista’ tibbookkja sat-3 ta’ Jannar.