Awdjo: Iħallsu €50 biex iġeddu l-liċenzja u jibqgħu b’xejn

Raġel Malti qed iqarraq b’persuni li jaħdmu bħala security. Wara li joffrilhom xogħol part-time u jgħidulu li skaditilhom il-liċenzja, jgħidilhom li jista’ jġeddidilhom għal €50, mingħajr bżonn li jmorru għall-ebda kors jew taħriġ.
Raġel li tkellem ma’ Newsbook.com.mt irrakkonta kif dan ir-raġel kien qed iċempel lil xi uffiċjali tas-sigurtà u joffrilhom xogħol part-time “fil-Baċir tat-Tarzna fejn qed jinħadem film”. Hu kien qed joffrilhom ħlas ta’ €7 fis-siegħa “meta l-paga medja ta’ dan ix-xogħol hi ta’ €4.50 fis-siegħa.”
Ma’ Newsbook.com.mt. ir-raġel qal li meta ra li hu interessat f’dan l-impjieg, talbu jattendi għal interview “f’karozza fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid”.
X’ħin sema’ hekk, ir-raġel qal li mill-ewwel issusspetta li hemm xi ħaġa ħażina u ddeċieda li ma jmurx.
Isemmi kif uħud minn sħabu li jaħdmu wkoll ta’ security waqgħu għal din in-nasba u spiċċaw biex ħallsu u tilfu €50, meta mingħalihom kienu se jġeddu l-liċenzja tagħhom. Meta ppruvaw jaqbdu lil dan ir-raġel fuq il-mowbajl li kien tahom, kien kollu għalxejn.
Barra minn hekk ir-raġel esprima d-diżappunt tiegħu bis-servizz li rċieva meta rrapporta dan il-każ lill-Pulizija. Spjega li meta kkuntattja l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija rreferewh għall-Għassa tad-Distrett, li min-naħa tagħhom qalulu biex imur l-għassa jagħmel rapport. Sostna li hu ma riedx li jitla’ jixhed il-Qorti, iżda qal li kien lest jagħti d-dettalji kollha tal-individwu lill-Pulizija biex ikunu jistgħu jinvestigaw. Madankollu r-raġel qal li l-pulizija ma aċċettawx li jagħtihom id-dettalji bit-telefown.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija dwar dan il-każ.