Awdjo: Iduru l-Ewropa fuq vann antik biex jgħinu lit-trabi fl-isptar

Żewġt irġiel Maltin bħalissa qed iduru l-Ewropa b’vann antik bil-għan li jiġbru fondi għat-Taqsima tal-Kura Intensiva tat-Trabi fl-Isptar Mater Dei.
Din hija l-inizjattiva li ħarġu biha Miguel Pace u Michael Fenech, li bħalissa jinsabu fin-Norveġja hekk kif waslu hemm b’vann antik.
Dan il-vann għandu bżonn ta’ manutenzjoni kontinwa iżda ż-żewġt irġiel huma determinati li jtemmu l-vjaġġ tagħhom ta’ tliet ġimgħat li se joħodhom f’għadd ta’ pajjiżi. Huma telqu Malta fil-15 ta’ Lulju u mistennija lura nhar is-6 t’Awwissu. 
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Roderick Cachia, kelliem għall-Fondazzjoni Qalb it-Tfal li spjega kif l-għan wara dan il-vjaġġ huwa sabiex tinġabar is-somma ta’ €11,000 ħalli jinxtara apparat avvanzat li jgħin fil-mard tal-qalb tat-trabi.
Jgħid li fl-ewwel sena meta twaqqfet, din il-Fondazzjoni ġabret mal-€20,000 li ġew investiti f’aktar apparat speċjalizzat għall-kura tat-trabi meta dawn ikunu qed jinżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar.
Roderick Cachia jispjega wkoll li ssir konsultazzjoni sħiħa mat-tmexxija ta’ din is-sezzjoni tal-Isptar, qabel ma jinxtara xi apparat mediku.
Kull min jixtieq jagħti donazzjoni ta’ €2.33 għal din il-kawża, jista’ jagħmel dan billi jibgħat SMS fuq in-numru 50617305.
Iktar informazzjoni fuq il-paġna ta' Facebook ta’ Qalb it-Tfal.