Awdjo: Iddiżinja l-logo il-ġdid tad-Dar tal-Providenza!

Sentejn oħra id-Dar tal-Providenza se tfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha. Għal dan il-għan tħabbar li se jitnieda logo ġdid għal din id-dar li tirrifletti l-viżjoni, l-missjoni u l-valuri tagħha fis-soċjetà tal-lum.

Tkellem dwar din l-inizjattiva id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef li qal li se ssir sejħa pubblika li se tieħu l-forma ta’ kompetizzjoni biex eventwalment jintgħażel id-disinn il-ġdid għal-logo ta’ din id-dar.

Semma kif kulħadd huwa mistieden jibgħat il-proposti tiegħu għal diżinn ta’ logo ġdid li eventwalment jibda jintuża fil-midja soċjali u fl-istampa. Il-proposti mibgħuta għandhom jinkludu deskrizzjoni qasira tal-motivazzjoni tad-disinn u l-ħsieb wara l-grafika. Dawn għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku fuq l-indirizz tal-email logocompetition@dartalprovidenza.org sat-30 ta’ Novembru li ġej.

Newsbook ħa l-kummenti tal-uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tad-Dar tal-Providenza Victor Formosa.

Dawk li jieħdu sehem iridu jassiguraw li l-proposti tagħhom huma xogħol oriġinali tagħhom u jkollhom id-drittijiet kollha għad-disinn.

L-għażla tal-logo issir minn grupp ta’ nies biex jagħtu parir lid-Dar tal-Providenza dwar l-għazla. Kull min jieħu sehem jingħata ċertifikat tas-sehem tiegħu waqt li r-rebbieħ jingħata trofew kommemorattiv.