Awdjo: Id-djar battala huma opportunità – Sandro Chetcuti

Fil-preżent f’Malta hawn aktar minn 72,000 post battal. Dan jirriżulta mill-aħħar ċensiment li sar f’Novembru tal-2011.

Il-valur fis-suq ta’ din il-propjetà tammonta għal aktar minn €8 biljun.

Newsbook.com.mt tkellem mad-Deputat Chairman tal-Malta Developers Association, Sandro Chetcuti.

Filwaqt li ħafna Maltin iqisu dan ix-xenarju bħala waħda inkwetanti, Chetcuti sostna li din is-sitwazzjoni iġġib magħha opportunitajiet ġodda.

Mill-istħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi jirriżulta li ħafna mill-postijiet residenzjali battala ilhom numru ta’ snin li nbnew u għalhekk ma jinkludux faċilitajiet moderni.

Ma’ Newsbook.com.mt, Sandro Chetcuti qal li l-iżviluppaturi għandhom jiġu inċentivati sabiex il-postijiet li ilhom fis-suq jinbidlu għal skopijiet turistiċi bħall-agrituriżmu, farmhouses u boutique hotels.

Huwa stqarr li fil-maġġoranza tal-lokalitajiet fejn hemm ħafna postijiet battala hemm ukoll problemi oħra bħan-nuqqas tal-parkeġġ, traffiku, storbju u nuqqas ta’ infrastruttura adegwata.

Għall-baġit tas-sena d-dieħla, l-MDA se tkun qed tressaq proposti bil-għan li jinċentivaw l-bejgħ tal-propjeta residenzjali vojta.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-proposta tal-Kunsill Lokali tal-Floriana, li tonqos it-taxxa fil-lokalitajiet milquta sabiex jiffaċilita’ l-bejgħ, Id-Deputat Chairman tal-MDA qal li huwa tajjeb li l-Kunsill tal-Floriana u Kunsilli oħra jressqu proposti bħal dawn.