Awdjo: “Id-diffikultajiet fis-saħħa ma jissolvewx f’sena” – Martin Balzan

Wara r-riżenja ta' Godfrey Farrugia, is-Seġretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan qal li l-problemi li hemm fis-settur tas-Saħħa huma kbar u ma jistgħux jissolvew f’sena.
Dwar it-talba ta’ Franco Mercieca li ma jibqax fil-Kabinett, Balzan sostna li huwa fattur qawwi meta tabib li jkun stabbilit jara tnaqqis kbir fid-dħul tiegħu minħabba l-politika.
Qal li kulħadd jieħu d-deċiżjoni personali tiegħu.
Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li jispera’ li mal-Ministru l-ġdid tas-Saħħa jkollu iżjed djalogu u konsultazzjoni milli kellu ma’ Godfrey Farrugia.
Qal li matul din is-sena, kemm ilu Farrugia jokkupa l-kariga ta’ Ministru għas-Saħħa, ma tantx kien hemm konsultazzjoni u jħoss li matul il-laqgħat li saru l-aġenda kienet diġa’ lesta.
Dwar dawn iż-żewġ riżenji, l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-Prim Ministru ħeba għal diversi ġimgħat ir-riżenja ta’ Franco Mercieca.
Isostni li Prim Ministru li jaħbi riżenja ta’ membru tal-Kabinett huwa Prim Ministru li jpoġġi l-interessi politiċi tiegħu qabel ir-rispett lejn il-poplu.
L-istqarrija tgħid li l-Prim Ministru għamel ħafna ostakli lill-Godfrey Farrugia biex ma jkunx jista’ jwettaq ir-responsabbilitajiet tiegħu ta’ Ministru għas-Saħħa.