Awdjo: Id-dazju l-ġdid fuq il-munizzjon se “jitgħabba” fuq it-tiraturi

Sid ta’ shooting range fin-Nadur qal li d-dazju l-ġdid fuq l-importazzjoni tal-munizzjon se jolqot ħażin lil dawk li jipprattikaw l-isport tal-isparar fuq bażi regolari.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Mario Vella qal li filwaqt li jifhem li l-prezz tal-munizzjon qed jiżdied madwar id-dinja kollha, fl-istess waqt jgħid li d-dazju mill-1 ta’ Jannar, se jservi biex persuni jew jipprattikaw inqas dan l-isport, inkella jkollhom iħallsu aktar.
Isemmi kif anka ż-żidiet fil-prezzijiet għall-ħażna tal-munizzjon se jolqtu ħażin lit-tiraturi, hekk kif l-importaturi jitħallew jaħżnu sa’ 12,000 round ta’ munizzjon.  Jispjega li din il-kwota hija baxxa ħafna għall-importaturi, partikolarment meta tiratur jista’ jaħżen sa’ 5,000 round.
Jgħid li dawn iż-żidiet ukoll se jgħaddu fuq it-tiratur.
Meta mistoqsi kif dawn iż-żidiet jinkwadraw fl-istrateġija tal-Gvern li jattira niċċa ġdida ta’ turiżmu fl-isport tal-isparar, Mario Vella jgħid li shooting range professjonali fil-pajjiż tkompli żżid l-għażla għall-isportivi tiraturi Maltin.
Madankollu jtemm jgħid li ma tantx tkun sostenibbli jekk il-prezzijiet tal-munizzjon ikomplu jitgħabbew b’aktar spejjeż.

Ritratt: Facebook – Shooting in Malta