Awdjo: Il-volontarjat mit-tfal jagħti apparat tal-qalb lil 73 skola

Din is-sena, 73 skola se jkunu qed jirċievu apparat mediku għall-ewwel għajnuna f’każ li persuna ssofri minn problema tal-qalb.
Dan l-apparat magħruf bħala AED se jkun possibli li jitqassam f’dawn l-iskejjel bis-saħħa ta’ fondi li nġabru waqt l-edizzjoni tal-“Maratona bir-Roti.”
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Manwel Borg, il-koordinatur tal-Maratona, li spjega li barra dan l-apparat, tliet membri tal-istaff minn kull skola, jiġifieri total ta’ 250 persuna, se jiġu mħarrġa b’mod ċertifikat kif jużaw l-apparat.
It-tfal ukoll se jkunu qed jingħataw preżentazzjoni għall-ewwel għajnuna. Dan, spjega Borg, għandu jgħin lit-tfal ikunu jafu x’għandhom jagħmlu f’inċidenti li jistgħu jiġru d-dar, bħal meta per eżempju persuna tkun qed tifga, jew xi ħadd li jħossu ħażin.
Manwel Borg qal li l-għan ta’ “Maratona bir-Roti” huwa mit-tfal għat-tfal u għalhekk ma saritx distinzjoni bejn skejjel differenti. Qal li kull minn applika se jkun qed jibbenefika mill-apparat u t-taħriġ għax inġabru biżżejjed fondi.
Is-sena d-dieħla dan il-proġett se jkun qed jiġi estiż anke għall-MCAST u kull għaqda soċjali, sportiva, reliġjuża u kulturali li għandha fi ħdanha t-tfal.
B’kollox il-proġett ġie jiswa €2,000 kull skola. Dan jinkludi l-apparat li huwa wieħed avvanzat ħafna, il-korsijiet li se jingħataw lill-għalliema u l-preżentazzjoni tal-ewwel għajnuna lit-tfal.