Awdjo: “Iċ-Children’s House tal-Gvern għadha ma bdietx taħdem” – Andrew Azzopardi

Andrew Azzopardi, li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli, fakkar kif xhur ilu l-Gvern fetaħ iċ-Children's Houseiżda din baqgħet ma bdietx taħdem.
Iċ-Children’s House f’Santa Venera hi dar għat-tfal u l-adolexxenti li jissejħu biex jagħtu x-xhieda tagħhom f’każi ta’ abbuż jew vjolenza domestika. 
Ma’ Newsbook.com.mt, Andrew Azzopardi spjega li dan il-proġett, għandu jibdel il-mod ta’ kif isiru l-investigazzjonijiet dwar l-abbużi tat-tfal. 
Minkejja li fil-midja riċentament spikkat ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-Gvern Awstraljan, li jkun hemm eċċezzjoni fis-sigriet tal-Qrar f’każ ta’ abbuż tat-tfal, Azzopardi jirreferi għal iktar rakkomandazzjonijiet mil-85 elenkati fir-rapport tal-istess Kummissjoni.
Fosthom isemmi r-rakkomandazzjoni dwar il-kollaborazzjoni bejn l-aġenziji u l-mod ta’ kif isiru l-investigazzjonijiet, kif ukoll dwar il-kunċett ta’ programm, bejn il-vittma u min jabbuża, sabiex il-vittma tasal tafdah.
Sentenzi Qorti: “Tallab jiem ħabs; abbuż sesswali sentenza sospiża”
Daħal ukoll fid-dettall dwar il-proposta li għandhom jiġu analizzati s-sentenzi li qed jingħataw mill-Qrati. Azzopardi rrefera għall-każ fl-aħħar jiem f’Malta, meta persuna li ttallbet intbagħtet għaxart ijiem ħabs, waqt li persuna li tkun abbużat sesswalment tingħata sentenza sospiża.
Saħaq li l-kwalità ta’ sentenzi f’każijiet ta’ abbuż jridu jiġu diskussa u staqsa għalfejn wieħed li jinstab ħati ta’ pussess ta’ droga jintbagħat il-ħabs u min jinstab ħati ta’ abbuż le.
“Għadd ta’ nies ma jkunux iridu jmorru għand il-Pulizija”
Andrew Azzopardi saħaq li kull abbuż għandu jiġi rrapportat lill-Pulizija, minkejja li wħud mill-vittmi ma jkunux iridu, minħabba li l-każ jispiċċa l-Qorti u jinxtered ma’ Malta kollha minħabba l-midja.
Jirrakkomanda li fir-rapportaġġ kontinwu tagħha l-midja tista’ tkun ostaklu u ssuġġerixxa li għandha tirrapporta biss meta tinqata’ s-sentenza.
Jekk jinkiser is-sigriet tal-Qrar u dak professjonali…
Dwar ir-rakkomandazzjoni li saċerdot jikxef is-sigriet tal-Qrar f’każ ta’ abbuż tat-tfal, Andrew Azzopardi qal li meta professjonist inkluż il-kleru jkun obbligat li jikxef abbuż fuq it-tfal jew fuq il-vulnerabbli għax tikkriminalizzah, se toħloq problemi kbar.
Żied jgħid li l-professjonisti se jibdew jibżgħu u jiġu bejn ħaltejn x’għandhom jirrappurtaw, u għaldaqstant jirrappurtaw kollox.  Azzopardi kompla jgħid li dan se jwassal biex il-Pulizija u l-Aġenzija Appoġġ ikollhom għadd ta’ rapporti u ma jlaħħqux, bil-konsegwenza li ma jirnexxilhomx jagħrfu l-każijiet l-aktar sensittivi.
Andrew Azzopardi saħaq li jekk is-saċerdot jibda jikxef is-sigriet tal-Qrar, dawk li jabbużaw mit-tfal żgur mhux se jmorru jqerru. Sostna li dan se jwassal biex tintilef l-opportunità li s-saċerdot jipprova jħeġġu jitkellem dwarha.
“Il-Qrar għandu jwassal lill-penitent jerfa’ responsabbiltà” – Fr Jimmy Bonnici
Sadanittant, fil-jiem li għaddew waqt il-programm Newsline fuq RTK, id-Direttur tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, Fr Jimmy Bonnici, spjega li s-Sagrament tal-Qrar iġib miegħu għadd ta’ responsabbiltajiet, wieħed li jostor dak li jintqal fil-Qrar u l-ieħor li jwassal lill-persuna terfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilha.
Dwar l-assoluzzjoni, Fr Jimmy iċċara li din tingħata jekk ikun hemm indiema u l-individwu jkun irid jinbidel.