Awdjo: Jiċċelebra għeluq sninu fuq l-ogħla muntanja fl-Afrika…għal għan filantropiku

Fil-11 ta’ Settembru li ġej ser tibda s-seba’ espidizzjoni Maltija li għandha twassal sal-quċċata tal-muntanja Kilimanġaro fit-Tanzanija. Din hija l-ogħla muntanja fl-Afrika li tilħaq kważi sitt elef metru 'il fuq mil-livell tal-baħar. L-espidizzjoni bl-isem ta’ Kilimanjaro Challenge 7, għandha l-għan ewlieni li jinġabru fondi għall-moviment Ġesù fil-Proxxmu, immexxi minn l-Għawdxi Dun Ġorġ Grima, sabiex tkun tista’ tiġi mibnija skola f’Awasi l-Kenja li għandha tilqa’ fiha 100 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali. Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ Chris Mintoff li ser ikun qed jieħu sehem fit-tlugħ il-muntanja.

Huwa stqarr li l-grupp kollu li ser jieħu sehem f’din l-isfida, jinsab eċitat u anzjuż ħafna wara ħdax –il xahar ta’ ħidma bejn preparamenti fiżiċi u attivitajiet filantropiċi sabiex jinġabru l-fondi b’risq il-bini tal-iskola fil-Kenja.

Jgħid li l-grupp iltaqa’ l-ewwel darba 11-il xahar ilu. Jistqarr li kien grupp li minkejja li l-għan ewlieni kien wieħed filantropiku, b’mod awtomatiku nibtet il-ħbiberija fost is-sbatax –il persuna li ser ikunu involuti fit-tlugħ tal-muntanja.

Chris Mintoff jispjega l-itinerarju li għandu jwassal għall-quċċata tal-muntanja. Il-mixja għandha tibda fil-11 ta' Settembru li ġej u tispiċċa ġimgħa wara.

Fi kliem Chris Mintoff il-preparamenti fiżiċi li kienu jinvolvu fost oħrajn mixi fit-tul madwar Malta għal ħin twil, għen sabiex titrabba l-fiduċja fost il-komponenti tal-grupp u għen ukoll sabiex jissaħħaħ l-aspett fiżiku b’taħriġ li għandu jgħin sabiex jingħeleb kull għawġ matul l-espidizzjoni fuq il-muntanja.