Awdjo: “Skandlu li fi żminijietna l-faqar qed jikber” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech, qal li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tagħmel eżami ta’ kunxjenza u tara x’inhu l-irwol tagħha meta l-faqar fil-pajjiżi membri qed jikber jum wara jum.
Waqt il-kummentarju fuq RTK, Monsinjur Grech ikkwota l-aħħar stħarriġ tal-Eurostat li wera kif ċittadin minn kull erba’ tal-Unjoni Ewropea jinsab f’riskju ta’ faqar.
L-Isqof ta’ Għawdex tkellem ukoll dwar dan waqt il-Kungress Internazzjonali (Re)Thinking Europe li qed jitlaqqa’ fil-Vatikan u qed jiddiskuti l-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewroepa fid-dawl tal-valuri li tħaddan.
Monsinjur Grech saħaq li mill-faqar mhux qed ibatu biss l-anzjani iżda anke t-tfal u kompla jikkwota l-istudju li jgħid iswed fuq l-abjad li 27% tat-tfal Ewropej jgħixu f’familji foqra li ma għandhomx biżżejjed mezzi.
Waqt il-kummentarju u l-intervent tiegħu fil-Vatikan, Monsinjur Grech fakkar fil-prinċipji li bnew l-Unjoni Ewropea, fosthom il-prinċipju tal-persuna umana li għandha d-dinjità tagħha u l-prinċipju tas-solidarjetà.
“Sfortunatament din id-dehra tal-Unjoni Ewropea qed tonqos,” saħaq Monsinjur Grech. “Fost il-pajjiżi membri qed tonqos is-solidarjetà, donnhom il-pajjiżi qed jingħalqu fihom infushom.”
Ikkwota wkoll mill-messaġġ tal-Papa Franġisku għall-ewwel Jum Dinji tal-Foqra u li fih innota kif id-distanza bejn is-sinjur u l-fqir qiegħda dejjem tiżdied u li ħafna drabi min għandu l-ġid kisbu minn attivitajiet illegali jew sfruttament offensiv tad-dinjità tal-bniedem.
“Huwa skandlu li fi żminijietna l-faqar qed jinfirex daqshekk,” qal Monsinjur Grech.
Kompla jgħid li l-Ewropa għandha tirrispondi kemm bi programmi ekonomiċi, ħolqien ta’ xogħol u fuq kollox biex ikun hemm edukazzjoni għal kulħadd biex kulħadd jerfa’ din ir-responsabbilità soċjali.
Saħaq li fil-qalb u fil-moħħ ta’ dawk kollha li huma fl-awtorità għandu jkun hemm post speċjali għall-foqra.