Awdjo: Hemm min irid iġelled il-pajjiżi Għarab – Sanaa El-Nahhal

Sanaa El-Nahhal, mis-Soċjetà tal-Informazzjoni dwar il-Kultura Għarbija, hija konvinta li hemm min qed jagħmel minn kollox biex iġelled il-pajjiżi Għarab u biex pajjiżi bħal Eġittu u l-Libja, ma jsibux paċi bejniethom.

F’intervista ma’ Newsbook, El-Nahhal spjegat aktar x’inhu għaddej eżatt fl-Eġittu. Hija spjegat li l-ġlied li qed jinqala’ fl-Eġittu ġej għax hemm nies li qed ikissru r-regoli tal-Fratellanza Musulmana.

Sanaa El-Nahhal insistiet li mhux sew li kull darba li jiġri xi ħaġa ħażina f’dal-pajjiżi teħel ir-Reliġjon Musulmana. Hija qalet li temmen fl-isforzi biex tinkiseb id-demokrazija fl-Eġittu, imma ma temminx fil-vjolenza.

L-aħħar appell imur għall-midja lokali u internazzjonali, biex kemm jista’ jkun tinkixef l-verżjoni kollha tal-istorja.

Il-ġlied fl-Eġittu ilu għaddej għal dawn l-aħħar ġimgħat. Fi Frar tal-2011, l-istess pajjiż kellu jgħaddi minn transazzjoni politika oħra meta Hosni Mubarak ma baqax fit-tmun tal-pajjiż wara kważi 30 sena. Bidla li ġabet magħha ħafna protesti u mwiet.