Awdjo: Ħażin jekk twaqqaf kors antibijotiċi minn jeddek?

Il-Professur Mike Borg Direttur tal-Infection Control Unit fl-Isptar Mater Dei ħeġġeġ lill-pazjenti biex jimxu mal-parir tat-tabib u jieħdu l-antibijotiċi sakemm jgħidilhom it-tabib.
Profs Borg kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt fl-isfond ta’ studju ppubblikat fil-British Medical Journal fejn jgħid li hemm bżonn li tieqaf il-prassi li pazjent itemm il-kors kollu tal-antibijotiċi. Dan hekk kif fil-preżent pazjent irid jibqa' jieħu l-antibijotiċi sakemm skont ir-riċetta tat-tabib anke jekk il-pazjent iħossu tajjeb.
Professur Martin Llewely minn Brighton u Sussex Medical School qal li l-pazjenti qed jitpoġġew f’riskju meta jibqgħu jieħdu l-antibijotiċi aktar milli hemm bżonn.
Għaldaqstant huwa ħeġġeġ biex issir aktar riċerka dwar it-tul ta’ żmien li pazjenti jdumu jieħdu l-antibijotiċi.
Profs. Borg spjega li l-kittieba ta’ din ir-riċerka analizzaw l-istudji li saru diġà dwar l-antibijotiċi u innotaw li mhix aġġornata mal-iżviluppi teknoloġiċi li qed isiru. Għalhekk hemm bżonn li ssir aktar riċerka biex jaraw jekk l-antibijotiċi preżenti (li huma aktar speċjaliżati minn dahri) għandhomx jibqgħu jittieħdu sakemm pazjent ilesti l-kors kollu.
Huwa spjega li ftit jew wisq din diġà qed iseħħ għax it-tobba jagħtu ammont ta’ antibijotiċi skont l-infezzjoni li tkun. Stqarr li pereżempju għal infezzjoni fl-awrina qabel kienu jagħtu antibijotiċi għal sebat ijiem u llum il-ġurnata jagħtuhom għal tlitt ijiem.
Minkejja dan l-istudju, Pofs. Borg saħaq li wieħed ma jridx jagħti l-impressjoni li l-pazjenti jistgħu jwaqqfu l-antibijotiċi meta jridu.
Temm jgħid li meta tintemm ir-riċerka, it-tobba f’Malta jingħataw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom jagħtu l-antibijotiċi.