Awdjo: Hawn nies lesti jiġġieldu għall-verità – Busuttil

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li fortunatament f’Malta hawn nies li huma lesti li jiġġieldu u joħorġu għonqhom f’isem il-verità u l-ġustizzja. Dan qalu b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti lbieraħ biex iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi jkunu suġġetti ta’ inkjesta maġisterjali b’rabta mal-iskandlu tal-Panama Papers.

Busuttil qal ma’ Newsbook.com.mt li l-aħbar tal-bieraħ tagħti xaqq ta’ dawl li sa fl-aħħar il-ġustizzja f’Malta tista’ ssir. Iddeskriva l-isforzi li saru matul l-aħħar tliet snin bħala “diffiċli”. Qal li d-dewmien u l-ostakli li għamlu Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu straordinarji.

“Illum għamilna l-ewwel pass,” qal Busuttil b’sodisfazzjon. Żied jgħid li m’hemmx dubju li l-istorja mhux se tintemm hawn.

Hija problema li ma ġara xejn s’issa – Busuttil

Imfakkar bl-inkjesti li infetħu fil-passat li xorta ma wasslu għal ebda riżenja jew sentenza mill-Qorti, Busuttil qal li hija problema li ma ġara xejn.

“Ma ġara xejn għax in-nies li qed imexxu l-pajjiż mhux qed iħallu l-ġustizzja ssir,” qal Busuttil. Fi kliem Busuttil, l-inkjesta dwar il-korruzzjoni involuti fiha Mizzi u Schembri messhom fetħuha huma stess tliet snin ilu.

Fakkar li r-rikors li oriġinarjament kienu ppreżentaw kien fih mas-77 faċċata b’lista ta’ evidenza li diġà teżisti. Spjega li f’Malta l-provi jridu jinġabru minn Maġistrat li għandu l-poter li jiġborhom u jinvestiga. Qal li issa se tkun il-Maġistrat Charmaine Galea li se tiġbor il-provi neċessarji. Min-naħa l-oħra Busuttil qal li dan ix-xogħol messu sar tliet snin ilu mill-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, u l-FIAU. Però fakkar li dawn kollha ma għamlu xejn.

Busuttil fakkar ukoll li hemm inkjesta li ilha għaddejja sentejn dwar l-€100,000 li Schembri allegatament daħħal fil-but tiegħu mill-bejgħ ta’ tliet passaporti. Persuna fuq paga minima f’Malta trid taħdem madwar għaxar snin biex tilħaq dik is-somma. Schembri ċaħad dawn l-akkużi.

Busuttil qal li hemm differenza bejn ir-responsabbilità politika u dik kriminali. Żied jgħid li pajjiż m’għandux jistenna s-snin sakemm qorti tiddeċiedi jekk xi ħadd għandux jirreżenja jew le. Fi kliem Busuttil, f’pajjiżi oħra nies b’dawn it-tip ta’ akkużi jiddikjaraw li huma innoċenti imma jirreżenjaw sakemm inaddfu isimhom.

Wara d-deċiżjoni tal-Maġistrat Doreen Clarke, il-Gvern qal li mhux se tkun qed tinfetaħ inkjesta ġdida imma li l-evidenza se tgħaddi għand il-Maġistrat Galea li diġà qed tmexxi inkjesta separata imma li għandha “overlap kbira”. Skont Busuttil, dan kollhu huwa s-soltu spin tal-Gvern. Qal li Malta issa hija l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea b’ministru tal-Gvern taħt investigazzjoni kriminali. Busuttil issa qal li huwa f’idejn il-Qrati biex jaraw jekk Mizzi u Schembri humiex ħatja jew le.

Ilbieraħ l-għaqda Repubblika qalet li l-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li tinfetaħ inkjesta dwar il-Panama Papers f’Malta. Min-naħa tiegħu l-Gvern irribatta li din mhux inkjesta ġdida u li se tkun il-Maġistrat Charmaine Galea li tqis l-“allegazzjonijiet”.

X’inhuma l-Panama Papers?

Kien f’April 2016 li l-ICIJ flimkien ma’ aktar minn 100 kamra tal-aħbarijiet, ippubblika l-Panama Papers, dik li titqies bħala l-akbar investigazzjoni ġurnalistika tal-istorja.
Meta d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku, Malta kellha 714-il kumpanija msemmija, jiġifieri t-tmien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rivelazzjonijiet f’dawn id-dokumenti messew lil Malta mill-qrib, bil-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinstab li kellhom dawn it-tip ta’ kumpaniji fil-Panama minn trusts fi New Zealand.

Dak żvelat wassal ukoll għal ħames inkjesti maġisterjali f’Malta, fost l-oħrajn fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi.

Twaqqaf ukoll il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinvestiga l-Panama Papers.

F’Malta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet l-ewwel waħda li bdiet tinvestiga l-kontenut b’rabta mal-Panama Papers. Din ġiet assassinata f’Ottubru tal-2017. Tliet irġiel jinsabu arrestati u akkużati li skattaw il-bomba li qatlitha. Għadu mhux magħruf min kien il-moħħ wara l-qtil tagħha.