​Awdjo: “Ħallast €1,000 għall-missjoni u l-Isptar ma tanix l-ispecial leave” – infermier

Infermier fl-Isptar Mater Dei li tkellem ma’ Newsbook.com.mt, irrakkonta kif wara li ħallas mal-elf ewro minn butu biex imur jgħin f’missjoni fil-Pakistan, ġie avżat mill-Isptar Mater Dei li ma jistax jieħu l-ispecial leave.
Dan l-infermier spjega li qabel ma applika, kien iċċekkja mal-amministrazzjoni li huwa eliġibbli għal dan l-ispecial leave, u mbagħad mexxa l-applikazzjoni li ġiet approvata wkoll mill-maniġer tiegħu.
Huwa qal li baqa’ sorpriż u diżappuntant meta aktar tard, sar jaf li d-Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Isptar Mater Dei kienet irrifjutat dan il-leave. Qal li din hija inġustizzja fil-konfronti tal-infermiera u l-qwiebel għaliex dan huwa dritt tagħhom skont il-Kodiċi taċ-Ċivil.
L-infermier kien sejjer fuq missjoni f’Lahore fil-Pakistan ġimgħatejn oħra sabiex jgħin lill-pazjenti f’dan il-pajjiż, flimkien ma’ grupp ta’ persuni mmexxi minn Dun Karm Debattista.  Huwa qal li ħallas mal-elf ewro minn butu biex xtara l-biljetti tal-ajru għal din il-missjoni fil-Pakistan biex imbagħad id-dritt tiegħu għall-ispecial leave ġie rifjutat.
Intant il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel l-MUMN ħarġet numru ta’ direttivi b’rabta ma din il-kwistjoni.