Awdjo: Ħallasna €1,200 għal farmhouse u bqajna b’xejn

Mark* huwa wieħed mill-għexieren ta' persuni li spiċċa biex ingidem minn mara li ħaditlu l-flus għall-kirja ta' farmhouse f'Għawdex u għosfrot ftit tal-jiem wara.

Mark ħalla kumment fuq paġna li tikri l-farmhouses f'Għawdex, li jixtieq jikri dar għal ftit jiem għal familtu u sħabu oħra.

Ftit wara, mara bl-isem ta' Annabelle tikkuntattjah u jaqblu fuq il-prezz ta' €1,200.

Jumejn qabel ma' suppost telgħu Għawdex, Mark iltaqa' ma Annabelle biex jagħtiha €1,200 flus kontanti. L-għada ċċempillu biex tavżah li l-Gvern qata' d-dawl ta' fejn se jikru d-dar u ma jistgħux jitilgħu.

Mark qal ma' Newsbook.com.mt li Annabelle kienet wegħditu li "se ttih il-flus kollha lura imma għaddew tliet ġimgħat u sa issa għadu ma rċieva xejn".

Apparti Mark u l-familja tiegħu, hemm aktar koppji li waqgħu f'din in-nassa.  Mark qal li jaf tliet koppji oħra li ġralhom l-istess imma dawn kienu ħalsu biss depożit ta' madwar €300.

Fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, il-kumpanija Gozo Farmhouses Rentals iċċarat li din il-mara m'għandha xejn x'taqsam mal-kumpanija.  Appellat lin-nies biex iċemplu lill-Pulizija f'każ li kellhom kuntatt ma' Annabelle.

 

*L-isem hu fittizju