Awdjo: Ħafna każijiet ta’ diskriminazzjoni ma jiġux irrappurtati – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tirċievi mal-100 ilment kull sena fuq każijiet ta’ diskriminazzjoni li tvarja minn dik razzjali u għal dik ibbażata fuq sess.
Minkejja li n-numru ma jidhirx allarmanti, Therese Spiteri, il-Maniġer ta’ din il-Kummissjoni, temmen li dan in-numru mhux realistiku għax fil-verita’, hawn problema kbira fejn għadd kbir ta’ każijiet ma jiġux irrapurtati.

Il-Kummissjoni, l-NCPE, tirċievi varjeta’ kbira ta’ ilmenti, iżda l-aktar komuni huma dawk relatati ma’ diskriminazzjoni fuq ix-xogħol ibbażata fuq is-sess tal-persuna.
Anke f’dan il-każ, saħqet Therese Spiteri, ħafna jibżgħu jirrapurtaw li qed jiġu diskriminati minħabba li jafu li jistgħu jitilfu xogħolhom.

L-NCPE tirċievi lmenti fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, fuq l-eta’, reliġjon u razza u l-għan tagħha huwa dak li twassal messaġġ kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni.
Huwa għalhekk li għada, is-Sibt, l-istess Kummissjoni se torganizza l-attivita’ Celebrating Diversity fi Pjazza De Valletta, il-Belt Valletta.

L-għan tal-attivita’ hu li permezz tal-mużika, żfin u ikel, il-Kummissjoni tippromwovi d-diverista’.
Kollox jibda għal ħabta tal-10:30am sas-6pm u se jkunu qed jieħdu sehem numru ta’ bands u kantanti fosthom it-trio mużikali DumTak, Mike Spiteri u Vince Fabri.