Awdjo: ​“Ħabb lil Malta… u miet f’Malta”

Il-ħbieb ta’ Rainer Mader, il-Ġermaniz li tilef ħajtu meta ttajjar minn karozza f’Tas-Sliema,  jinsabu xxukjati bl-aħbar.
Paul Galea, ħabib ta’ Rainer spjega ma’ Newsbook.com.mt li Rainer kien bniedem bi tbissima u ħarsa li jnisslu tant ħbiberija.
“Kien persuna li ried il-ġid lill-ħbieb u lin-nies li jiltaqgħu miegħu. Bniedem li kien jifrex il-ferħ,” kompla Paul li bħal Rainer hu dilettant tal-mudelli tal-vetturi u l-ajruplani.
Spjega li Rainer, li kellu 42 sena, ġie Malta għax ħabb lill-pajjiż mill-bogħod, ġie biex jagħmel il-ħbieb u ried ikun parti mis-soċjetà, kien iħobb l-ikel Malti filwaqt li kien dilettant tal-mudelli.
Rainer kien jiġi Malta darbtejn fis-sena u pit’għada kien mistenni jżur l-Assoċjazzjoni tal-mudelli tal-ferroviji f’Malta.
Irrakkonta li Rainer, għalkemm Ġermaniż, tant kien kburi b’Malta li meta kien imur wirjiet f’pajjiżi differenti, kien iġorr miegħu il-bandiera Maltija.