Awdjo: Ġurnata talb għall-Insara persegwitati fl-Iraq

Nhar il-Erbgħa 6 t’Awwissu, f’Jum il-festa tat-Trasfigurazzjoni, qed tiġi organizzata ġurnata ta’ talb għall-Insara u dawk kollha li qed ikunu persegwitati fl-Iraq.
Ma’ Newsbook.com.mt, id-Direttur ta’ Aid to the Church in Need Malta, Stephen Axisa, qal li l-organizzazzjoni f’Malta qed tingħaqad, mad-diversi fergħat madwar id-dinja, f’ġurnata ta’ talb.
Għalhekk l-Insara Maltin u anke gruppi oħra, qed ikunu mħeġġa jingħaqdu fit-talb biex jgħinu spiritwalment lill-minoritajiet fl-Iraq.
Stephen Axisa spjega li l-Insara fl-Iraq ma jistgħux jiddikjaraw li jħaddnu r-reliġjon Nisranija. Żied li tkeċċew minn djarhom u waqt li kienu qed jaħarbu serqulhom kollox. Semma każ partikolari ta’ raġel li ħadulu anke ż-żarbun li kien liebes. 
Il-mexxej tal-Knisja Kaldea fl-Iraq, il-Patrijarka Louis Sako għażel il-jum tat-Trasfigurazzjoni biex fiha ssir din il-ġurnata. Axisa spjega li meta Ġesù tbiddel quddiem l-appostli fuq it-Tabor, beda t-triq għat-tbatija u l-mewt iżda li wasslitu għal ħajja ġdida.
Għalhekk saħaq li l-festa tas-6 ta’ Awwissu għandha timla l-Insara bit-tama u l-kuraġġ meta t-triq tidher iebsa u diffiċli. Qal li l-Insara fl-Iraq avolja għaddejin mit-tbatija konvinti li għad joħorġu rebbieħa.
Aid to the Church in Need Malta qed jgħinu wkoll lill-Knisja fl-Iraq u anke f’postijiet oħra bħas-Sirja, b’għajnuna finanzjarja. Minn jixtieq jagħti xi għajnuna jista’ jibgħat id-donazzjoni lill-indirizz: 39B, Triq l-Imdina, Ħ’Attard.