Awdjo: Grazzi lill-ħaddiema kollha tal-ITU tat-trabi – Lou Bondi

Għaż-żewġ ġurnalisti popolari Lou Bondi u Rachel Attard id-dar il-ġdida tagħhom saret is-sala tal-NPICU f’Mater Dei.  Dan għaliex tliet ġimgħat ilu, fis-17 ta' Lulju, il-koppja kellha lil Clara, li twieldet tminn ġimgħat qabel il-waqt.

Clara twieldet tiżen inqas minn trabi oħra.  Għalhekk bħalissa qed tingħata l-kura meħtieġa fl-NPICU, l-ITU tat-trabi.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt Lou jgħid li hu u Rachel m’għandhom l-ebda kliem biex jirringrazzjaw lit-tobba u l-infermiera tas-sala għax-xogħol li qed jagħmlu. 

Lou jgħid li minkejja t-tifla tinsab fl-inkubatur għall-kura, dawn il-ġimgħat kienu mill-isbaħ.  Dan grazzi għad-dedikazzjoni li l-ħaddiema tas-sala għandhom lejn dawn il-pazjenti ż-żgħar. 

Iċ-ċkejkna Clara baqalha żżid 300 gramma oħra sabiex tkun tista’ toħroġ mill-isptar. 

L-iktar ħaġa li laqtet lil Lou hi kif f’ambjent u sala daqshekk diffiċli, il-ġenituri kollha tat-trabi u l-ħaddiema huma bħal familja waħda.  Jgħid li ma ħassx li t-tifla tiegħu qed tingħata kura aktar speċjali minn trabi oħra għaliex ommha u missierha huma magħrufa sew fuq it-televiżjoni.

L-appell ta’ Lou hu biex illejla, kull min jista’ jmur sa Birżebbuġa u jattendi għas-serata mużikali Sound of Innocence bil-għan li jinġabru fondi għas-sala tal-NPICU biex jinxtara apparat magħruf bħala Cool Cap.  Dan jgħin lit-trabi li jitwieldu b’nuqqas ta’ ossiġnu fil-moħħ.

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz tal-kont bankarju: 40021697203 (BOV)

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.