​Awdjo: Godfrey u Marlene Farrugia ma jaqblux mal-Gvern dwar il-Kunsilli Lokali

L-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia u d-Deputat Laburista Marlene Farrugia sostnew li ma jaqblux li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jiġu posposti għall-2019.
Waqt il-programm Newsbook fuq RTK, iż-żewġ deputati Laburisti enfasizzaw dwar l-importanza tal-Kunsilli Lokali.
Dr Godfrey Farrugia qal li jemmen li “d-demokrazija m’għandhiex prezz u li għandu jiġi assigurat li kull mezz demokratiku jiġi prattikat.”
Spjega li waħda mill-affarijiet li dejqitu fl-aħħar snin, kienet meta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali bdew jiġu abbinati ma’ elezzjonijiet oħra. Saħaq li aktar ma jkunux marbuta mal-elezzjonijiet il-kbar, ikun aktar aħjar.
Dr Farrugia qal li jemmen li l-elezzjonijiet jistgħu ma jsirux kull sena, u jinġabru f’daqqa. Qal li jemmen li b’sens komun, id-diskussjoni u djalogu fil-Parlament għandhom iwasslu biex il-vuċi taċ-ċittadin tibqa’ tissarraf f’demokrazija.
Min-naħa tagħha, Dr Marlene Farrugia qalet li l-Kunsilli Lokali huma instrument indispensabbli, u li għandu jintuża kull mezz possibbli biex jiġu msaħħa u “mhux indgħajfuhom.”
Saħqet li jekk il-Kunsilli Lokali ma jissejħux kif suppost, “inkunu qed inħottu dak li bnejna b’tant dedikazzjoni.”
Ipproponiet li bejn elezzjoni ġenerali u oħra għandha tissejjaħ elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kollha f’daqqa.
Waqt Newsbook, tkellem ukoll il-whip Nazzjonalista David Agius, li qabel ma’ Godfrey u Marlene Farrugia. Spjega li għalkemm tidher li se tkun biċċa xogħol iebsa, dawk li jemmnu fil-Kunsilli Lokali għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkonvinċu lill-Gvern biex dawn l-elezzjonijiet ma jsirux fl-2019.