Awdjo: Għawdxin jagħtu l-imħabba lil tfal bl-HIV fl-Amerika t’Isfel

Żewġ tfajliet Għawdxin mimlija b'enerġija biex jgħinu lil ħaddieħor, bħalissa jinsabu fl-Amerika t'Isfel għal sena, fejn fost l-oħrajn se jkunu qed iżuru l-Kolumbja, il-Brażil u l-Perù.
Ma' Newsbook.com.mt, Gaby Vella u M’Stella Portelli rrakkuntaw dwar kif fl-aħħar xahar qed jagħmlu xogħol volontarju ma' tfal morda bl-HIV u l-AIDS.
Din mhix l-ewwel darba li t-tfajliet għamlu xogħol volontarju barra minn Malta, u b'hekk nibtet l-idea li jtawlu ż-żmien u din id-darba jdumu sena.
Il-ġimgħa tipika tat-tfajliet fil-Kolumbja
Fil-Kolumbja, Gaby u M'Stella qed jgħinu lit-tfal morda fix-xogħol tad-dar u jippreparawlhom diversi attivitajiet, flimkien mal-organizzazjoni Maltija Right to Smile. Qed jagħtu wkoll l-għajnuna tagħhom f’impjant organiku.
Imbagħad fi tmiem il-ġimgħa jistrieħu u jesperjenzaw tradizzjonijiet varji tal-post.
Fil-Brażil, it-tfajliet, flimkien mas-Sależjani, mistennija jagħmlu xogħol mat-tfal, filwaqt li fil-Perù se jgħinu xjuħ, morda, persuni bl-HIV u nies bil-vizzju tad-droga.
"Min imħajjar għall-volontarjat, hawn ħafna għaqdiet lil min javviċina"
Iż-żgħażagħ stqarru li hemm bosta sfidi fil-ħajja, iżda dawn l-isfidi jgħinuhom jitgħallmu aktar affarijiet.Qalu li l-volontarjat “għalkemm hu sfida bħal kollox, aħna neħduh bħala xi ħaġa li nieħdu gost nagħmlu”.
Iħeġġu lil persuni mħajra biex jagħmlu l-ewwel pass, u fakkruhom li llum hi faċli li tagħmel esperjenzi bħal dawn għax f'Malta hawn ħafna għaqdiet li jorganizzaw xogħol volontarju. 
Tista' ssegwi l-esperjenzi ta' Gaby u M'Stella hawn.