Awdjo: Għawdex b’ħames xhur bla ċinema imma…

F’temp ta’ 60 sena, persuna ssir pensjonanta, iżda l-unika ċinema li għandu Għawdex illum, hija waħda mill-aktar żagħżugħa. 
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, Dun Effie Masini, li huwa d-Direttur tal-Oratorju Don Bosco, qal li l-Oratorju fir-Rabat Għawdex ilu xahar juri l-films b’sistema diġitali, li seta’ kien possibbli b’investiment ta’ €70,000 u permezz ta’ għajnuna finanzjarja minn skema tal-Gvern.
Dun Effie spjega kif l-ewwel film li ntwera fl-Oratorju kien 63 sena ilu, fit-13 ta’ Mejju tal-1951. Dakinhar il-film Joan of Arc kien intwera fuq it-tertuqa jew kif kienu jirreferu għalihom l-antiki ‘l-films bil-faħam’.  Żied jgħid li maż-żmien, minflok it-tertuqa, fis-sala tal-Oratorju ġiet introdotta s-sistema tal-projectors, li b'kollox inbidlu tliet darbiet.  L-aħħar film li ntwera b’din is-sistema kien The Monuments Men, il-Ħadd 27 ta' April 2014.
Saħaq li minn dakinhar, għal kważi ħames xhur, f'Għawdex ma kontx tista' tmur tara film, sakemm fit-13 ta’ Settembru, is-sala tal-Oratorju reġgħet fetħet il-bibien bl-ewwel film bis-sistema diġitali jkun Free Birds, li ntwera fl-okkażjoni ta' Jum iċ-Ċinema għat-Tfal. 
Dun Effie sostna li b’dan l-investiment, l-Oratorju se jibqa’ joffri divertiment san għall-familja kollha, fuq ix-xewqa ta’ Don Bosco li għex Turin li għal żmien twil kienet il-belt taċ-ċinema. Żied jgħid li ċ-ċinema fl-Oratorju tfisser ukoll għodda pastorali għall-Knisja f’Għawdex li permezz tagħħha qed jilħqu l-ġenerazzjoni żagħżugħa. 
Għal dan il-għan, l-Oratorju mhux se jibqa’ juri films nhar ta’ Ħadd biss, li jkunu immirati għall-familja kollha. Fl-aħħar xahar, beda juri films tard is-Sibt filgħaxija biex jintlaħqu aktar żgħażagħ u adulti.
Dwar proġetti oħra li għandu l-Oratorju, Dun Effie spjega kif l-ewwel irid jitħallas is-self mal-bank, imbagħad jinvestu f’tisbiħ tas-sala teatrali.
Baħar Jaqsam jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3.05pm fuq RTK.