Awdjo: Għandu jkun hemm aktar graffiti mad-daħla tal-Belt?

It-tpinġija li saret sbieħ il-Ħamis 29 ta’ Awwissu li għadda mas-swar tad-daħla tal-Belt fil-jiem li għaddew qajmet bosta diskussjoni dwar jekk kellix titneħħa jew le. 

Il-Perit u Professur Lino Bianco ma jaqblix li l-graffita kellha titneħħa u jgħid li “dik mhix sempliċi tħażżiża imma hija arti soċjali kontemporanja li warajha hemm ħsieb profond”.  Qal li t-tpinġija tgħaddi messaġġ pożittiv, ta' mħabba u kontra l-mibgħeda.

“Arti bħal dik tiġi kkunsidrata illegali imma ma jfissirx li hi vandaliżmu.  Il-fatt li ma tafx min pinġiha u saret bla permess, ma jfissirx li hi ħażina” kompla jgħid Prof. Bianco.

Li kien għalih, mhux talli ma jneħħihiex imma anke jipproteġiha.  Dan billi jitwaħħal materjal protettiv u trasparenti mal-ġenb tal-pont tas-swar ħalli ma tkunx aċċessibbli għan-nies.

Prof. Bianco hu lekċerer fl-Università ta’ Malta u anke l-iżgħar Professur fl-Akkademja Internazzjonali tal-Periti li membri tagħha hemm ukoll Renzo Piano, il-moħħ wara l-proġett tal-Belt.

Staqsa għaliex l-arti għandha tiġi ċċensurata u enfasizza li l-graffita “setgħet saret parti mill-wirt kulturali tad-daħla tal-Belt Valletta” hekk kif fl-2018 il-Belt se tkun il-kapitali Ewropea tal-Kultura “u t-tpinġija setgħet iġġedded l-identità tal-Belt tagħna”.

Żied jgħid li ħadd ma jista’ jgħid li dan kien att vandalu għax saret fuq art pubblika.  Dan għaliex fi kliemu, is-swar huma taċ-ċittadini Maltin, inkluż ta’ min sprejja t-tpinġija.

Biex titneħħa l-graffita, il-Ministeru għall-Infrastruttura qal li nefaq is-somma ta' €4,000.

Prof. Bianco isħaq li s-swar ta’ Bieb il-Belt mhumiex swar ta’ vera għaliex huma “balla konkos miksija bil-ġebla Maltija”.

Iddeskriva Misraħ Ħelsien “bħala l-iktar biċċa art li tiswa flus f’Malta hekk kif hi wkoll wirt storiku tal-UNESCO”. 

Saħaq li l-proġett ta’ tisbieħ ta’ Bieb il-Belt suppost ġie jiswa ferm aktar minn €80 miljun.  “Jekk wieħed iqis il-valur tal-art ta’ Misraħ Ħelsien, il-proġett kellu jiswa d-doppju tal-flus jekk mhux it-tripplu”, temm jgħid Prof. Lino Bianco.

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.