Awdjo: “Għandna għarukaża fi Brussell”

Il-Ministru Evarist Bartolo ddeskriva l-għaġir tal-Membri Parlamentari Ewropej bħala għarukaża fi Brussell.
Dan hekk kif waqt Kumitat Ewropew li kien indirizzat minn tliet Ministri Maltin, l-Ewro Parlamentari David Casa staqsa fuq l-iskandlu tal-Panama u l-korruzzjoni f’Malta.
F’kummenti mal-ġurnalisti, il-Ministru għamel analoġija mal-post fil-Mellieħa li jismu Għarukaza, li jfisser parti għar u parti dar.
B’paralleliżmu ma’ din l-anoloġija, Evarist Bartolo tenna li issa għandna għarukaza fi Brussell għaliex is-suġġetti li qed iqajmu l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti għandhom ikunu diskussa f’Malta.
Filwaqt li qal li l-mistoqsijiet tal-Ewro Parlamentari Nazzjonalisti jimplikaw li qisu splodiet bomba atomika fuq id-dinja, bl-isem ta’ Malta, Bartolo ħoloq intertestwalità wkoll mar-rumanz ta’ Juan Mamo, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka.
Ma’ Newsbook.com.mt Evarist Bartolo qal li hekk kif, il-karattri fir-rumanz ħarġu mill-gżira Maltija xorta baqgħu jħaddnu l-ħsibijiet tar-raħal, l-istess qed jagħmlu l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti Maltin.
Il-Ministru Bartolo saħaq li l-affarijiet għandhom dejjem jiġu diskussa fil-ħin u l-post addattat. Żied jgħid li kif qalet iċ-Chairperson tal-Kumitat Ewropew dwar l-Impjieg u l-Ħidma Soċjali Marita Ulvskog, għall-każijiet bħal tal-Panama hemm kumitati apposta biex jiġu diskussi.
Saħaq li l-Gvern ma għandu ebda problema biex jiddiskuti l-affari tal-Panama basta fil-laqgħat rispettivi .
Tenna li David Casa pinġa lill-Malta b’mod goff għall-aħħar u l-kumment tiegħu ma kellu ebda umiltà għax ma rikonoxxiex l-iżbalji u l-koruzzjoni li saru fi żmien aministrazzjoni preċedenti.
Iddeskriva lil David Casa bħal wieħed qiegħed fuq għolja jagħmel prietka fuq il-virtujiet mingħajar ma jippratikahom huwa stess.
Fakkar li l-Gvern għamel diversi liġijiet biex jiġġieldu l-korruzzjoni fosthom il-whistleblower act u l-finanzjamenti tal-partiti politiċi.
Ritratti: Arkivji