Baġit għan-nies: “Għandna bżonn soluzzjoni għat-traffiku għada” – UĦM

Il-Kap Eżekuttiv tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM), Voice of the Workers Josef Vella qal ma Newsbook.com.mt li l-unjin tistenna li fil-baġit ta’ għada, tissemma soluzzjoni għat-traffiku li Malta għandha bżonn illum qabel għada.
Vella stqarr li għalkemm instemgħu aħbarijiet dwar diversi proposti għat-trasport, dawn kollha huma proġetti li jieħdu ħin pjuttost twil biex jiġu implimentati. Spjega li l-UĦM Voice of the Workers qed tipproponi li tinstab rotta li matulha jkun hemm hubs ta’ parkeġġi li minnhom wieħed imbagħad ikun jista’ jagħmel użu minn trasport pubbliku biex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu.
Għadda mbagħad biex jitkellem dwar proposta titratta kuntratti tax-xogħol li jkunu aċċessibbli għall-ħaddiema kollha. Skont il-UĦM Voice of the Workers, għandu jsir portal li fih wieħed jista’ jagħżel tip ta’ kuntratt u jimla d-dettalji onlajn. B’dan is-servizz, il-UĦM Voice of the Workers temmen li d-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema jkunu salvagwardjati.
Proposta oħra li Vella ddiskuta ma’ Newsbook.com.mt hi dik dwar il-kooperattivi. Qal li bħala unjin, temmen li l-kooperattivi jistgħu jkunu soluzzjoni fin-national collective bargaining ta’ Malta. Skont il-Kap Eżekuttiv, il-kooperattivi jaħdmu tajjeb fil-qasam tas-saħħa.
Dwar il-pensjonijiet, Josef Vella qal li f’dan iż-żmien, il-pensjonanti l-ġodda qed jaqgħu minnufih f’riskju ta’ faqar għaliex il-pensjoni li jirċievu ma tlaħħaqx mas-60% tal-median income. Saħaq li hemm il-ħtieġa li jsiru diskussjonijiet fuq il-pensjonijiet tat-tieni pilastru.
Segwi s-servizz speċjali li se joffru Newsbook.com.mt u RTK, għada, f’Jum il-Baġit.