Awdjo: “Għandi l-istess enerġija li kelli bħal-lum sena” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-riżultati miksuba fi tnax-il xahar biss huma mertu tal-poplu.
Dr Joseph Muscat assigura lil dawk preżenti li għad għandu l-istess enerġija li kellu bħal-lum sena, biex imexxi lil Malta u tkun l-aqwa fl-Ewropa.
Waqt attività politika fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, Dr Joseph Muscat qal li n-nies huma pożittivi u anke min ma vvutax għall-Partit Laburista jgħid li l-enerġija tal-Gvern hi kbira.
Il-Prim Ministru sostna li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jibdew jonqsu għall-familji minn dan ix-xahar filwaqt li bħal lum sena, il-kontijiet jorħsu għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Dwar il-powerstation tal-gass, Dr Joseph Muscat qal li se jitnaqqsu l-emissjonijiet għan-nies ta’ Marsaxlokk, se titneħħa darba għal dejjem il-powerstation tal-Marsa filwaqt li jitneħħew ukoll il-ħażniet li hemm f’Birżebbuġa.
Fost ir-riformi soċjali, Dr Muscat qal li se tkun qed tingħata child supplement ta’ €400 lil tfal foqra, bil-kundizzjoni li dawn jintbagħtu l-iskola filwaqt li jieħdu l-mediċini.
Dr Muscat elenka d-diversi wegħdi li diġa twettqu u li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ saħansitra mill-jiem li ġejjin u li se jħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies, b’miżuri oħra li anke juru t-trasparenza.
Dr Joseph Muscat qal li bħal-lum sena, il-poplu Malti kien qed jimmarka t-triq ‘l quddiem għad-destin tal-pajjiż, filwaqt li erba’ snin oħra, il-poplu se jerġa’ jivvota għal “dan il-Gvern b’enerġija.”
Dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat qal li “jalla l-Bambin iberikna b’ħafna snin oħra ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-Oppożizzjoni.”
Dr Muscat sellem ukoll lil Marie Louise Coleiro Preca li se tkun il-President “tagħna lkoll.” Hu semma li kien il-Perit Duminku Mintoff li kien l-aħħar Prim Ministru Laburista li dakinhar għażel mara u llum 32 sena wara, Dr Muscat għamel l-istess.