Awdjo: Għalliema tispjega dak li għaddejja minnu

Għalliema tal-Malti, Ruth Cassar, semmiet numru ta’ sfidi li qed jaffaċċjaw l-għalliema, fosthom li jridu jlaħħqu fost affarijiet oħra ma’ sillabu li jinbidel kull sena, burokrazija li kull ma jmur dejjem qed tiżdied, u nuqqas kbir ta’ riżorsi.
Ma’ Newsbook.com.mt Ruth Cassar qalet li l-aktar ħaġa li ddejjaq lill-għalliema hija l-mod ta’ kif iħarsu lejhom in-nies l-oħra u li din toħloq tensjoni kbira. Saħqet li ħafna drabi, in-nies jaqbdu mal-għalliema minħabba l-vaganzi li għandhom.
“Il-Ministru m’għamel xejn dwar l-ispejjeż tal-għalliema”
Skont Cassar, l-ammont ta’ affarijiet li l-għalliema jridu jixtru biex jagħmlu xogħolhom sew, huwa enormi. Stqarret li dawn l-ispejjeż joħorġu mill-but tagħhom stess. Qalet li kienu qajmu din il-problema mal-Ministru tal-Edukazzjoni, iżda b’qalb maqtugħa rrimarkat li dawn id-diskussjonijiet qatt ma wasslu għal riżultati tanġibbli.
Ġimagħtejn ilu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo tkellem dwar l-impenn tal-Gvern biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għalliema.
L-istrajk: Aħjar jitilfu ġurnata milli xahar – Cassar
Dwar l-istrajk li qed jiġi ppjanat għal Novembru, l-għalliema qalet li tittama li jsir qbil qabel ma jseħħ l-istrajk. Madanakollu, qalet li f’każ li dan il-qbil ma jsirx, ikun aħjar jekk it-tfal jitilfu ġurnata skola x-xahar id-dieħel, milli jitilfu xi xahar sħiħ fil-futur minħabba nuqqas ta’ għalliema. Qalet li jekk tispiċċa toħroġ xi ħaġa pożittiva mill-istrajk, mela allura dan għandu jsir.
Minkejja dawn il-battalji kontinwi, Ruth Cassar sostniet li tipprova tevita li titkellem dwar dan mal-istudenti.
Kif jistgħu jgħinukom in-nies?
Skont Ruth, mod wieħed kif in-nies jistgħu juru aktar l-appoġġ tagħhom lejhom hu billi jnaqqsu l-kummenti żejda, speċjalment dawk marbutin mal-vaganzi. Qalet li jekk wieħed iżid ir-rispett u jnaqqas l-arroganza, dan diġà jkun qed jgħin ħafna. Spjegat li jekk l-istudenti jaraw li l-familja tagħhom tirrispetta lill-għalliema, dawn x’aktarx jagħmlu l-istess huma wkoll.
Inti għalliem/a? Għandek xi esperjenza jew kumment li tixtieq taqsam magħna? Ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt