Awdjo: Għalliem Malti fl-Italja jagħmel il-lezzjonijiet bi Skype

REUTERS/Aly Song

Għalliem Malti-Kanadiż li jgħix fl-Italja u jgħallem l-Ingliż fi skola privata baqa’ jagħti l-lezzjonijiet lill-istudenti tiegħu permezz ta’ Skype u WhatsApp.

Hu qal dan f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fejn tkellem dwar l-esperjenza tiegħu jgħix fl-Italja fejn bħalissa l-pajjiż kollu jinsab taħt lock-down bil-għan li ma jinfirixx iktar il-coronavirus, COVID-2019.

Branson Errol Mifsud, qal li hu għalliem tal-Ingliż u jgħallem studenti ta’ etajiet varji, bejn tmien snin u 18-il sena. Spjega li l-iskejjel kollha għalqu u b’hekk l-istudenti m’għadhomx qed imorru l-iskola. L-iskola fejn jgħallem hu tinsab f’Reggio Calabria, żona fin-Nofsinhar tal-Italja. Qal li bħalissa, f’Reggio Calabria hemm disa’ każijiet, tnejn minnhom f’Reggio, il-parti fejn jgħix hu. Spjega li mill-bieraħ ingħalqu l-iskejjel kollha kif ukoll postijiet pubbliċi bħal libreriji u pixxini.

Mifsud spjega li l-għalliema għandhom permess imorru l-iskola u jgħamlu l-lezzjonijiet tagħhom permezz ta’ Skype minn hemm. B’hekk spjega li hu jmur fil-klassi bil-mowbajl u l-laptop biex jagħmel dawn il-lezzjonijiet. Qal li filwaqt li dan mhux qed isir f’kull skola hemm ħafna skejjel li ddeċidew li jagħmlu dan. Minkejja dan il-lezzjonijiet ta’ kuljum twaqqfu kollha u minflok l-istudenti qed jingħataw għadd kbir ta’ xogħol għad-dar li mbagħad jiskenjawh u jibgħatuh lura lill-għalliema tagħhom.

Mistoqsi dwar x’jaħseb minn din it-tip ta’ edukazzjoni online, Mifsud qal li nnota li l-istudenti tiegħu kienu qed jistudjaw aktar. Qal li meta l-istudenti, speċjalment iż-żgħar, jitpoġġew f’kuntest soċjevoli bħal klassi jkollhom aktar enerġija u ħajja u jispiċċaw ikunu jridu aktar ħin għal-logħob. Qal li online, qed jgħallem gruppi iżgħar, ta’ żewġ jew tliet studenti, u qed jagħmlu ħafna iktar homework u jkunu aktar iffukati.

“Mhix sitwazzjoni apokalittika”

Mifsud spjega li s-sitwazzjoni fil-parti ta’ fejn joqgħod hu mhix waħda apokalittika. Qal li 10 ijiem ilu huma ġew infurmati mill-Ministeru għas-Saħħa li l-iskejjel pubbliċi kellhom jingħalqu. Madwar jumejn jew tliet ijiem wara, l-iskejjel privati ntalbu jgħalqu l-bibien tagħhom ukoll. Sostna li huma jafu li dawn il-miżuri li qed jiġu implimentati ma kinux għax is-sitwazzjoni kienet waħda serja, iżda aktar bħala prevenzjoni.

Qal li fir-rigward ta’ ikel, xorb u bżonnijiet bażiċi oħrajn, Reggio Calabria ma jinsabx f’sitwazzjoni apokalittika. Qal li meta lbieraħ mar jixtri minn ħanut sab li kellhom stokk ta’ kollox, anke ta’ toilet paper. Minkejja li kien hemm nuqqas ta’ toilet paper f’distretti oħrajn. Hu qal li kien hemm żewġ xkafef li kienu vojta, tal-ħelu u l-isnacks u t-tiġieġ. Qal iżda li kien hemm tipi differenti ta’ laħam li wieħed seta’ jixtri.

Hu kompla billi spjega li minkejja l-lock down, il-pubbliku xorta jista’ jibqa’ joħroġ, iżda hemm numru ta’ kundizzjonijiet. Wieħed ma jistax isuq fil-pajjiż sakemm ma għandux permess speċjali. Qal li t-traffiku fit-toroq qed jiġi mmonitorjat mill-Pulizija. Kulħadd jista’ joħroġ għal passiġġati iżda għandu limitu ta’ kemm jista’ jdum barra u ma jistax joħroġ fi gruppi kbar.