Awdjo: “Għall-ewwel darba rajt lil ibni jieħu gost jara film”

Għall-ewwel darba, Sylvana Sciberras ħadet lil binha ta’ sitt snin biex jara film fiċ-ċinema.
Dak il-ħin, Kaylen li għandu l-awtiżmu, kien bħal tfal oħra.
Ma’ Newsbook.com.mt, Sylvana qalet li xi drabi tħoss li n-nies ma jifhmux li l-awtiżmu mhux diżabbiltà, hekk kif minn barra, it-tifel tagħha jidher normali.
Kompliet tgħid li filwaqt li jkun hemm min jgħin, ikun hemm ukoll nies li jweġgħu.
Sylvana dejjem qatgħet qalbha tieħu lil Kaylen jara film minħabba li jibda jibki jew itellef lil ta’ madwaru.
Hi rrakkontat kif persuna għamlet ġest li għaliha jfisser ħafna.
Qalet li “ħassitha bħal familji oħra, tidħol f’ċinema biex tara film għall-ewwel darba ma’ binha”.
Meta waslu ċ-ċinema, Kaylen ma bediex jifhem fejn se jmorru.
Dak il-ħin Sylvana tkellmet ma’ persuna li taħdem fiċ-ċinema dwar is-sitwazzjoni.
L-impjegata ħadet lil Kaylen f’sala li kienet diġa’ qed turi film, sabiex hu jkun jista’ josserva x’inhu għaddej.
Qabel ma daħlu jaraw il-film l-ieħor, il-mara qaltilha biex ma tinkwetax jekk matul il-film it-tifel jibda jibki, u biex tfittixha f’każ li jinqala xi ħaġa. Irranġatilha wkoll biex joqgħodu fit-tarf.
Għal Sylvana, li rat lil Kaylen jidħak u jieħu gost waqt il-film fisser ħafna, u tixtieq li ġenituri oħra li għandhom it-tfal bl-awtiżmu dejjem isibu nies li jifhmu is-sitwazzjoni tagħhom.