Awdjo: Għalkemm ma jitħallsux il-voluntiera għandhom l-obbligi – l-Isqof Scicluna

L-Isqof Charles Scicluna qal li l-għaqdiet volontarji fi ħdan il-Knisja li jaħdmu fil-qasam soċjali għandhom jimxu mar-regoli tal-Istat, iżda fl-istess ħin hemm realtajiet tal-Knisja li ma jistgħux ikunu sottomessi għall-Kummissarju [tal-Volontarjat], imma huma sottomessi biss għall-isqof tad-Djoċesi.
L-Amministratur Appostoliku, Monsinjur Charles Scicluna, qal dan waqt seminar li sar dalgħodu u li matulu ġie ppreżentat l-Kodiċi ta’ Etika għall-Voluntiera u għall-Għaqdiet Volontarji tal-Arċidjoċesi ta' Malta. Dan id-dokument tħejja mill-Uffiċċju Djoċesan tal-Volontarjat u jinkludi fih id-drittijiet u d-dmirijiet tal-voluntiera u tal-għaqdiet volontarji, fosthom dawk tat-trasparenza u tal-kontabilità.
L-Isqof Scicluna fakkar li l-ħidma volontarja fil-Knisja tmiss ir-realitajiet kollha tal-volontarjat. Semma l-volontarjat permezz tad-djakonija, li l-Isqof ddeskrivih bħala espressjoni tal-Knisja li hija qaddejja tal-bniedem.
“M’hemmx djakonija tal-Knisja mingħajr formazzjoni” u għalhekk l-Isqof Scicluna semma u rringrazzja lil ħafna voluntiera fi ħdanha, li jagħtu ħinhom għat-tagħlim.
Żied li għalkemm il-voluntiera ma jitħallsux għal xogħolhom, dawn għandhom ir-responsabbilità u l-obbligu li jaħdmu għal ġid komuni.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, l-Isqof irringrazja lil voluntiera li jgħinu fil-parroċċi biex il-komunità Nisranija tiċċelebra l-festi fundamentali tal-fidi tagħha, u anke lil dawk li jaħdmu fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi titulari.
L-Isqof Scicluna awgura li l-Knisja f’Malta toħloq kultura li fiha dan il-kodiċi ta’ etika jitħaddem u juri li l-volontarjat jibqa’ espressjoni tal-imħabba li fuqha hija bbażata l-ħajja Nisranija.
Il-kodiċi tista' taqrah billi tniżżel il-fajl PDF aktar 'l isfel.

Ritratt: Photocity