Awdjo: “Għaliex il-ħaddiem jitħallas b’€4 s-siegħa u l-pampaluni bil-miljuni?”

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-paga minima għandha tassigura li l-ħaddiem ikollu dar diċenti, li jkollu biex imantni u jlibbes lil uliedu u anki biex jistrieħ.
Waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq RTK, l-Arċisqof Charles Scicluna staqsa għaliex il-ħaddiem għandu jibqa’ jitħallas b’€4 s-siegħa waqt li l-pampaluni jieħdu l-miljuni.
Mons. Scicluna semma l-kera li qiegħda dejjem togħla u staqsa għaliex biex ikun jista’ jgħix b’dinjità, il-fqir irid il-karità tas-sinjur.
Staqsa wkoll x’jibqagħlu ħaddiem bil-paga minima ta’ €650 jekk kera għal appartament tkun ta’ €600.
L-Arċisqof irrefera għall-Ittra Pastorali li ħareġ il-Papa Franġisku nhar it-Tnejn u li wieħed mill-erba’ elementi ġodda li tipproponi huwa t-twaqqif tal-Jum Dinji tal-Foqra, il-Ħadd ta’ qabel Kristu Re.
"Irridu nieħdu ħsieb il-fqar, mhux bil-karità imma bil-ġustizzja"
Ikkwota lill-Papa li fid-dokument tiegħu qal li l-ħniena trid tissarraf f’ġustizzja soċjali. Stqarr li “rridu nieħdu ħsieb il-fqar, mhux bil-karità imma bil-ġustizzja.”
Filwaqt li jqis dan il-jum essenzjali għax il-foqra jingħataw aktar importanza, Mons. Scicluna saħaq li “Allaħares naħsbu biss fil-foqra f’dan il-jum.”
"Hawn gruppi ta' ċittadini qrib ħafna tal-għatba tal-faqar"
Semma kif f’Malta hawn gruppi ta’ ċittadini li qegħdin qrib ħafna tal-għatba tal-faqar. Saħaq li din il-ġerħa għandha tittieħed b’serjetà mill-imsieħba kollha li jridu jieħdu ħsiebha.
Qal kif hu jitlob informazzjoni b’mod kontinwu lill-Caritas u NGOs oħra li qed jinsistu li l-paga minima għandha togħla.
Waqt il-programm, l-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-Assemblea Djoċesana li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, dwar il-maħfra u l-bieb ta’ qalbna, fuq l-Att dwar l-Ugwaljanza u ż-żewġ Isqfijiet Maltin li jinsabu fuq missjoni barra minn Malta.