Awdjo: “Għaliex għandi nispiċċa b’bomba wara d-dar tiegħi?”

Sandro Ciliberti, in-negozjant Malti residenti x-Xagħra li nhar il-Ġimgħa li għadda kien fil-mira ta’ bomba, b’ton imbikkem sostna li jixtieq li ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejjin minnu hu u t-tfajla tiegħu.
Ma’ Newsbook.com.mt, Sandro Ciliberti qal li għadhom sal-lum jistaqsu għaliex poġġewlhom il-bomba wara darhom.
Stqarr li m’għandhom kwistjonijiet u dejn ma’ ħadd, u li n-negozju li għandu f’Kemmuna ħadu b’tender.
Sandro, magħruf aktar bħala Iċ-Chilly, qal li wara dak li ġralhom, hu u t-tfajla tiegħu għażlu li jwasslu messaġġi ta’ mħabba u għaqda.
Kien għalhekk li parti mill-bieb tal-garaxx li tkissret bl-isplużjoni, ġiet mgħottija bi tpinġija fuq l-injam b’messaġġi pożittivi. Qal li l-bieb ta’ barra huwa evidenza ta’ dak li sofrew.
“Għalkemm aħna batejna, nixtiequ nwasslu messaġġ pożittiv,” żied jgħid Sandro Ciliberti.
Il-vittmi tal-isplużjoni għażlu li jkunu wkoll umoristiċi u waħħlu tabella biex wieħed ma jipparkjax quddiem biebhom “għax hi żona fejn hemm l-isplussiv.”
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ u fost l-oħrajn interrogat żewġt irġiel, wieħed mix-Xagħra u ieħor min-Nadur.