Awdjo: Għajnuna differenti għal min ibati bl-ALS

Hekk kif f’dawn l-aħħar jiem, l-għarfien tal-marda tal-ALS kompliet tikber, madanakollu, mhuwiex biss barmil bl-ilma u s-silġ li jista’ jgħin lil dawn il-persuni, iżda tista’ tingħata għajnuna b’mod ieħor. 

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Jenny Oakley, infermiera li taħdem fil-komunità ma’ nies li għandhom mard differenti, fosthom il-marda tal-ALS.
L-ALS hi marda magħrufa fl-Ewropa bħala motor neuron disease.
Jenny innutat li waħda mill-pazjenti tagħha ma baqgħetx tikkomunika ma’ sħaba minħabba li ma tistax titkellem.
Imħassba dwar dan, Jenny xtaqet li din il-persuna tkun tista’ terġa’ b’xi mod tibda tikkomunika man-nies, ħaġa li kienet tħobb tagħmel.
Kompliet tgħid li t-teknoloġija illum tippermetti li persuna tikkomunika ma’ nies oħra, speċjalment jekk ma tkunx tista’ toħroġ.
Fuq Facebook, Jenny għamlet appell ma’ sħabha għal tablet jew xi tip ta’ mowbajl li tkun tista’ tuża l-pazjenta.
Għaddew tliet ġimgħat u Jenny ma sabet l-ebda tweġiba.
Meta bdiet l-ALS Ice Bucket Challenge, Jenny reġgħet talbet għall-għajnuna, hekk kif aktar nies saru jafu dwar il-marda.
Din id-darba, sabet l-għajnuna minn persuna li offriet tablet.
Meta ħadet dan it-tablet għand il-pazjenta, hi ferħet ħafna li se tkun tista’ tikkomunika ma’ sħabha.
Jenny temmet tgħid li ma tantx huma nies li jbatu minn din il-marda, iżda li titqajjem kuxjenza dwarha jfisser li l-għajnuna tkun tista’ tingħata b’modi differenti minn persuni differenti.