Awdjo: “Għadni nieħu l-injezzjonijiet f’għajnejja” – Lawrence Gonzi

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li parti mill-kura għal għajnejh, tinvolvi injezzjonijiet f’għajnejh stess. Fuq RTK, Dr Gonzi spjega li għalkemm il-vista ta’ għajnu l-leminija mhix sejra lura, baqgħet kif kienet.
Lawrence Gonzi qal li minn meta ħareġ mill-politika, kellu jitgħallem kif jistrieħ, iżda stqarr li “din kienet waħda mill-aktar tagħlimiet faċli li kellu f’ħajtu.” 
L-eks Prim Ministru qal li qed iqatta' ħafna ħin mal-ħames neputijiet tiegħu. Sostna li lanqas ma’ uliedu ma kellu ċans iqatta’ daqstant ħin. “Meta jien u Kate kellna t-tfal, konna ngorru fuq il-ġenituri tagħna li kienu jfissduhom, illum qed nagħmlu agħar minnhom man-neputijiet,” qal Dr Gonzi.
Dwar il-politika, Dr Lawrence Gonzi qal li xorta għadu jsegwiha, u li xorta għadu f’kuntatt mal-eks kollegi Ewropej, li magħhom għex l-iktar ħames snin diffiċli għall-Ewropa.
Dwar it-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni, Dr Gonzi qal li "minn dejjem kont psikoloġikament ippreparat għaliha, imma f’qalbi naf li għamilt li stajt."