Awdjo: Għaddew 3 ġimgħat u t-testijiet tal-ECG għadhom ma jsirux

Daħlet fit-tielet ġimgħa l-azzjoni industrijali mill-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel biex ma jsirux testijiet tal-ECG fiċ-ċentri tas-saħħa. 
L-istrajk beda fis-17 ta’ Diċembru li għadda u qed isir minħabba li skont l-unjin, ħaddiem inkarigat li jagħti dan is-servizz, ħass li saret inġustizzja miegħu fuq transfer li kellu jsir.   
Newsbook.com.mt ilu ġimagħtejn jistenna t-tweġibiet tal-mistoqsijiet li bagħat lis-Segretarjat tas-Saħħa. 
Qraba tal-pazjenti li reġgħu tkellmu ma’ dan in-news portal, għadhom irrabbjati li d-Diviżjoni tas-Saħħa ma ħadet ebda azzjoni immedjata biex il-pazjenti jingħataw il-kura meħtieġa. 
Sostnew li ħadd ma jista’ jilgħab bis-saħħa tan-nies, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu testijiet għall-qalb. 
Kull min kellu appuntament għal test tal-ECG f’wieħed miċ-ċentri tas-saħħa, irċieva telefonata li tħassrilhom l-appuntament, mingħajr ma ngħataw data oħra. 
Ikkuntattjat għal darb’oħra minn Newsbook.com.mt il-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-awtoritajiet qed iwarrbu l-problema u minkejja d-diversi appelli, id-Diviżjoni tas-Saħħa lanqas biss ippruvat issib soluzzjoni. 
Pace sostna li l-Unjin irċiviet biss imejl waħda mingħand id-Diviżjoni.
Newsbook.com.mt reġa' bagħat il-mistoqsijiet lill-Ministeru u lis-Segretarjat tas-Saħħa.