Awdjo: “Ġesù jagħti d-dawl lil kull min idur lejh” – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku stieden lil dawk preżenti fi Pjazza San Pietru biex meta jirritornaw id-dar, jerġgħu jaqraw l-Evanġelju tal-ġurnata li jippreżenta l-miraklu li għamel Ġesù ma’ wieħed għami mit-twelid.
Franġisku spjega li l-Kelma tal-lum, għandha tistieden lill-Insara biex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jiftħu qalbhom għal dawk li huma emarġinati u mwarrba mis-soċjetà.
Waqt l-Anġelus ta’ nhar ta’ Ħadd, il-Papa ħeġġeġ lill-pellegrini preżenti, biex ma jibżgħux jiftħu qalbhom għad-dawl ta’ Alla. 
B’referenza għall-Evanġelju, il-Papa Franġisku saħaq li bħal ma Ġesù fetaħ għajnejn l-għama tat-tempju, jinsab dejjem lest biex jagħti d-dawl lil min idur lejh filwaqt li jaħfirlu dnubietu.
Spjega li kull Nisrani, xi darba jew oħra, ġab ruħu mhux ta’ Kristjan u kulħadd waqa’ fit-tentazzjoni li jiġġudika lill-oħrajn. Fakkar kif fil-magħmudija, Alla għażel lil Insara kollha, biex bħal ma jgħid San Pawl, isiru “wlied id-dawl.” Saħaq li dan iseħħ jekk fil-qalb tan-Nisrani isaltnu l-umiltà, il-paċenzja u l-ħniena.