Awdjo: “Ġenituri jibagħtu tfal morda fiċ-childcare b’xejn inkella jħallsu”

Pedjatra ewlieni qed jappella lill-awtoritajiet biex il-ġenituri jkunu jistgħu jużaw is-sick leave tagħhom biex jieħdu ħsieb lit-tfal morda, kif kien mwiegħed fil-manifest taż-żewġ partiti qabel l-elezzjoni. 
Dan għaliex ġ
enituri qed ikollhom jibagħtu lit-tfal morda, iċċertifikati minn tabib, iċ-childcare filwaqt li min ma jibgħatx lit-tfal qed iħallas id-differenza meta ma jibgħathomx.
Ma' Newsbook.com.mt, il-pedjatra Dr Joseph Mizzi qal li skont l-iskema tal-Gvern, biex iċ-childcare jingħata b’xejn, it-tfal iridu jintbagħtu għal persentaġġ mill-ħin li jkun miftiehem minn qabel, inkella jkollhom iħallsu d-differenza lin-nursery.
Filwaqt li x-xitwa hu żmien ta’ ħafna mard, speċjalment fit-tfal, spjega Dr Mizzi, il-ġenituri jridu jagħrfu li meta jimrad tifel ta’ sentejn ikun differenti minn meta timrad tarbija ta’ ftit xhur, hekk kif l-mard fit-trabi jista’ jwassal għall-infezzjonijiet u tkun trid tittieħed l-isptar.   
Kompla li t-tfal qed jintbagħtu n-nursery minn età żgħira ħafna, anke ta’ sitt xhur, minħabba li l-ġenituri jkollhom jmorru għax-xogħol.   
Dr Mizzi qal li l-ġenituri li jaħdmu ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jibagħtu t-tfal morda ċ-childcare għax ma jkollhomx ma’ min iħalluhom.
Il-ġenituri li tkellmu ma’ Dr Mizzi qalu li n-nurseries kollha jaħdmu b’mod differenti.
"Il-Gvern xorta waħda se jħallas għas-sigħat li t-tfal ikunu marru, iżda l-bqija qed iħallsuhom il-ġenituri" spjega t-tabib, u dan għaliex jista’ jkun ta’ piż għal xi familji.