Awdjo: “F’sitt xhur inqast 25kg u mradt”

“Kollox beda meta kelli 16-il sena . Uħud minn sħabi tal-iskola kienu jibbulljawni għax kelli daqsxejn piż żejjed.  Kien diffiċli li ninjora l-kummenti negattivi li spiss kienu jgħadduli, u ddeċidejt li nagħmel id-dieta.”
Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt, Lana Grech, li f’temp ta’ għaxar snin esperjenzat aktar minn kundizzjoni waħda marbuta mal-ikel – l-anoressija u l-bulimja.
Lana rrakkontat kif meta bdiet tagħmel id-dieta, bdiet tara r-riżultat, u bdiet tirċievi kumplimenti mill-istess persuni li kienu jmaqdruha. Spjegat kif hemmhekk bdiet tħossha daqsxejn iktar popolari magħhom.
Madanakollu, Lana, tant kienet qed tħossha tajba, li tilfet il-kontroll u bdiet tonqos iktar. Qalet kif kienet tassoċċja “li aktar ma nitlef mill-piż, aktar se niġi aċċettata.”
Spjegat kif bdiet kompetizzjoni magħha nnifsiha u fi żmien sitt xhur naqset 25 kg. Qalet li marret fl-estremità li ma tiekol xejn u tagħmel eżerċizzju fiżiku qawwi ħafna. Saħqet li hi ma kinitx tbati mill-obeżità u għalhekk ma kellhiex bżonn tonqos daqshekk.
Lana qalet li bdiet taffaċċja kumplikazzjonijiet f’saħħitha – beda jiddgħajfu xagħarha, snienha u d-dwiefer,  bdiet tgħajja ħafna u waqgħet f’dipressjoni. Kien hemm żmien ukoll fejn kellha tkun rikoverata fl-isptar. Saħqet li wara li laħqet it-tir tagħha, bdiet tħoss l-effetti psikoloġiċi.
“Bejn is-16 u l-21 sena, l-anoressija kienet fl-agħar tagħha, iżda wara ħafna sforzi bdejt niekol u bdejt intella’ l-piż,” żiedet tgħid Lana.
Għal Lana, li ħelset mill-anoressija ma kienx it-tmiem tal-proċess biex tibda tgħix ħajja normali. Meta tiekol bdiet tħossha ħatja u hemmhekk żviluppat il-bulimja. Għaliha l-ikel kien qisu velenu u wara li tiekol kienet tneħħih mill-ewwel.
Lana qalet li issa ilha 12-il sena li rkuprat u qed tgawdi lil binha ta’ tliet snin, “li fih innifsu huwa miraklu” għax minħabba l-kundizzjoni tagħha, it-tobba kienu qatgħu qalbhom li jista’ jkollha t-tfal.