Il-karattru popolari ma’ kulħadd Fra Mudest qed jiċċelebra l-50 sena tiegħu minn meta sar pubbliku u jaf bih kulħadd bil-kitba.
Madankollu li kieku Fra Mudest għex vera, illum il-ġurnata għandu fuq id-90 sena.
Dan hekk kif il-karattru huwa ambjentat fil-perjodu tal-ħamsinijiet (1955-1965) u dak iż-żmien kellu mal-40 sena.
Ma’ Newsbook.com.mt Charles Casha, il-bniedem li ħoloq dan il-karattru, spjega li Fra Mudest twieled f’ħarġa tal-magażin tat-tfal Children’s Own f’April, 1967 bl-istorja Ir-Ruħ fil-Kantina.
Spjega li tant kien suċċess li l-edituri kellhom jistampaw aktar rivisti minħabba li l-iskejjel u l-istudenti riedu aktar kopji.
Charles Casha kiteb mal-110 rakkonti fuq Fra Mudest miġbura f’sitt kotba differenti:
- Fra Mudest (maħruġ fl-1971)
- Aktar Praspar ta’ Fra Mudest (1974)
- Mill-Ħorġa ta’ Fra Mudest (1995)
- Mid-Dinja ta’ Fra Mudest (1995)
- 40 Sena Fra Mudest (2007)
- 50 sena Fra Mudest (2017)
50 Sena Fra Mudest mistenni joħroġ fil-bidu ta’ Mejju u se jkollu 15-il praspura ġdida.
Fra Mudest tant seraq qlub u ġibed qarrejja li bejn il-kotba kollha ħarġu 22 edizzjoni differenti.
Casha qal li Fra Mudest seraq il-qlub minħabba l-karattru simpatiku tiegħu u bis-sempliċità tiegħu.