Awdjo: Fondazzjoni Agara tiġbor laptops biex tgħin 635 student Kenjan

Il-Fondazzjoni Agara qed tiġbor laptops użati u li jista’ jsirilhom format, biex minnhom jibbenefikaw 635 student f’żewġ skejjel fil-Belt Kenjana ta’ Nairobi.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-voluntiera Maria Pellicano, spjegat li bħalissa Agara qed tipprepara għall-ewwel proġett tagħha bl-isem #K4Kenya. Erba’ voluntiera se jkunu qed jitilgħu l-Kenja u se jagħtu pjan edukattiv dwar l-I.T., lil 23 għalliem f’dawn l-iskejjel.
Għalhekk il-laptops li qed jinġabru se jintużaw biex it-tfal f’dawn l-iskejjel jkomplu jitgħallmu l-I.T., b’mod effettiv. Maria Pellicano spjegat li b’dan il-mod, Agara qed tinvesti fil-futur ta’ dawn it-tfal, f’dinja fejn l-I.T qed isir dejjem aktar importanti.
Infatti dan huwa l-għan ewlieni ta’ din l-għaqda ġdida. Maria Pellicano spjegat li l-voluntiera ma jridux li dawk li jkunu qed jgħinu jibqgħu dipendenti fuqhom, iżda jemanċipawhom biex isiru indipendenti u jkollhom futur sostennibli.
Agara twaqqfet f’Novembru li għadda minn żewġ voluntiera li kienu l-Etjopja matul is-sajf tas-sena li għaddiet għal esperjenza ta’ volontarjat. Meta ġew lura qasmu l-ideat tagħhom u bl-għajnuna ta’ diversi voluntiera oħra waqqfu din l-għaqda bil-għan li x-xogħol li jseħħ fil-volontarjat ma jkunx ta’ ftit ġimgħat, iżda xi ħaġa li tibqa’ anke meta l-voluntier jerġa’ lura Malta.
Infatti l-isem Agara jiġbor fih il-missjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ. Agara, isem bl-Amharic, linwga Etijopjana, tfisser “nimxu flimkien.”
Bħalissa l-Fondazzjoni qed torganizza diversi attivitajiet għall-familja kollha biex tiġbor laptops u anke fondi għal dan il-proġett.
Għal aktar aktar informazzjoni wieħed jista’ jsegwi l-pagna ta’ Facebook ‘agara’ jew inkella s-sit elettroniku www.agarafoundation.org.
Jekk tixtieq tissieħeb bħala voluntie, tista’ ċċempel fuq 79285343 jew 79065343.