Awdjo: Flok kielu waħedhom iċċelebraw l-ewwel tas-sena mal-kappillan

Ilbieraħ, fl-ewwel jum tas-sena, madwar 15-il persuna mill-Imġarr ngħaqdu mal-kappillan u mas-saċerodoti ta’ din il-parroċċa għall-ikla ta’ nofsinhar fid-dar parrokkjali.
Din kienet il-ħames sena li fiha l-parroċċa tal-Imġarr organizzat din l-ikla għall-persuni fil-parroċċa li jgħixu waħedhom.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Viċi Kappillan ta’ din il-parroċċa, Dun George Schembri li spjega kif din l-ikla hija organizzata fid-dawl tas-sens veru tal-Milied, jiġifieri li Ġesù ġie fid-dinja biex ħadd ma jkun waħdu.
Huwa spjega kif dawn iż-żminijiet huma diffiċli għal uħud minn dawk li jgħixu waħedhom u ma jiċċelebrawx il-festi mal-familja tagħhom u dawk li huma għeżież għalihom.
Propju għalhekk li l-Kummissjoni Djakonija tieħu ħsieb li torganizza din l-ikla u taħseb f’dawn in-nies.
Dun George spjega kif l-ambjent tal-bieraħ kien sabiħ ħafna. Nies jieklu, jirrakkontaw, jidħku u kuntenti li hawn min qed jaħseb fihom.
Il-Viċi Kappillan spjega li mhux għal kulħadd faċli li jmur madwar l-istess mejda ma niex li ma jafhomx u jiftaħ il-problemi personali tiegħu mal-oħrajn iżda spjega li fl-istess ħin kulħadd iħoss il-bżonn li jkun ma ħaddieħor.
Iħoll u jorbot, skont Dun George, hija r-rabta li l-komunità żżomm ma’ dawn il-persuni biex ma jħossuhomx waħedhom u spjega kif din hija waħda mill-missjoni li għandu l-kleru ta’ din il-parroċċa.
Tkellem dwar l-importanza li l-parroċċa żżomm djalogu kontinwu ma’ dawn il-persuni u hekk tagħmilha aktar faċli għal dawn il-persuni biex iħossuhom aċċettati u anke jattendu għal dawn l-attivitajiet.
Dun George appella biex kulħadd ikun kapaċi jikkomunika man-nies li jgħixu madwaru, jwassal messaġġi fil-postijiet l-aktar mudlama u b’hekk ikun kapaċi jressaqhom lejn tama ġdida. 

Ritratti: Parroċċa Santa Marija Mġarr (Facebook)