Awdjo: “Fil-pass li ħa jidhru l-valuri tiegħu” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li fil-pass li ħa Monsinjur Pawlu Cremona O.P meta rriżenja minn Arċisqof ta’ Malta, jidhru l-valuri tiegħu.
Ma’ Newsbook.com.mt,  il-President iddeskriviet lill-Arċisqof Emeritu bħala bniedem ta’ valuri, ta’ prinċipji u li jaf jitla’ għall-mument.
Żiedet tgħid li Monsinjur Cremona se jibqa’ fil-memorja u fil-qalb ta’ kulħadd bħala persuna li kien dejjem viċin in-nies.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li tammira l-umanità tiegħu li permezz tagħha wera l-wiċċ uman tal-Knisja, filwaqt li bl-ispiritwalità tiegħu mexxa l-komunità Maltija fit-triq tal-fidi.
Intant ftit wara li n-Nunzju ħabbar li l-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja, kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irringrazjawh tal-ħidma li wettaq mal-poplu Malti fl-aħħar tmien snin.  
Fi stqarrija, il-President irringrazzjat ukoll lill-Arċisqof  ta’ Malta Monsinjur Pawlu Cremona għas-servizz spiritwali tiegħu li kattar ċertament  ġid fil-poplu Malti u Għawdxi.
Il-President qalet li l-Arċisqof Cremona dejjem kellu għal qalbu l-umanità, u li kien għalhekk li ħadem biex ikun viċin in-nies u jħoss il-polz tal-vulnerabbli.
L-Eċċellenza Tagħha qalet li l-Arċisqof Pawlu Cremona kien kuraġġuż li ħa dan il-pass bl-akbar responsabbiltà, integrità u anki onestà.  Faħħret lill-Monsinjur Cremona għall-fatt li l-ħidma pastorali tiegħu kellha valur spiritwali profond  u għaldaqstant tawgura li s-suċċessur ta’ Monsinjur Cremona, ikompli jsaħħaħ ħidmietu fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu.