Awdjo: Fid-dinja hawn suldati d-doppju ta’ għalliema – Evarist Bartolo

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li llum huwa żmien diffiċli biex wieħed ikun għalliem, hekk kif l-isfidi kibru.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li fid-dinja hawn suldati d-doppju ta’ kemm hawn għalliema, hekk kif kompla jgħid li d-dinja qed tonfoq aktar fuq il-gwerer milli fl-edukazzjoni.
Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Għalliema li qed jiġi ċċelebrat illum madwar id-dinja, Evarist Bartolo fakkar fil-kliem tal-Papa Ġwanni XXIII, illum iddikjarat qaddis, meta qal li l-għalliema għandhom jgħallmu persuni u mhux suġġetti.
Evarist Bartolo qal ukoll li x-xogħol tal-għalliema hu vokazzjoni u għalkemm hu xogħol diffiċli, huwa xogħol sabiħ għax jagħmel id-differenza fil-ħajja tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Qal li jibqgħu importanti l-valuri tal-imħabba, l-onestà u l-integrità.
It-tema magħżula mill-UNESCO għal din is-sena hi ‘Investi fil-futur, investi fl-għalliema.’
Diversi pajjiżi qed jiċċelebraw din il-ġurnata billi jżidu l-għarfien dwar ix-xogħol tal-għalliema.
Il-Union tal-Għalliema anke semmiet ċirkustanzi li l-għalliema jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum fosthom l-imġieba mhux aċċettabli u aggressiva minn xi studenti u anke każijiet fejn għalliema jiġu insultati fil-media soċjali.
Dwar dan, il-Ministru Evarist Bartolo appella biex l-għalliema joqogħdu attenti kif iġibu ruħhom onlajn hekk kif qal li jista’ jagħti l-każ li dak li l-għalliema “jkunu qed jibnu naħa, jkunu qed iħottuh naħa oħra.”