Awdjo: Fi Mġarr ix-Xini kienu jiġu ppumpjati 190,000 gallun ilma kuljum

190,000 gallun ilma kienu jiġu ppumpjati kuljum permezz ta’ pompa tal-ilma f’Imġarr ix-Xini.
Ma’ Newsbook.com.mt Mario Pace, wieħed mill-persuni li qed jirriċerka dwar din il-pompa qadima qal li din il-pompa ma kinitx l-ewwel waħda, iżda kien hemm oħra fl-Imġarr li kienet timmpompja ilma ġej min-nixxiegħa minn Għajnsielem.
Il-pompa tal-ilma llum soffriet ħafna vandaliżmu, fosthom fil-garigor (li jidher qisu torri) li jagħti mit-triq għal wied, u fil-makkinarju.
Il-makkinarju mhuwiex l-oriġinali li kien jaħdem bil-faħam iżda wieħed aktar ġdid li kien jaħdem bil-fjuwil.
Mario kompla jgħid li l-boiler oriġinali filfatt ma ġiex ivvandalizzat, iżda ġie żarmat waqt li kienu qed jaħdmu fih biex jagħmlu aktar wisa’ għas-sistema l-ġdida.
Spjega li qabel kien jintuża ilma minn fuq l-għoljiet minħabba sediment ta’ tafal li kien iżomm ħażna tal-ilma.
Permezz ta’ numru ta’ telegrammi li nstabu, Mario qal li dawn kienu jintbgħatu mix-Xewkija għall-Ingilterra, li jindikaw li x-xogħol seta’ jsir minn pompa waħda, u sar proponiment biex issir proprju din il-pompa msemmija, li aktarx tlestiet fl-aħħar tas-snin sittin fis-seklu għoxrin.

Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar fuq il-programm Baħar Jaqsam fit-3.05pm fuq RTK.