Awdjo: Fi Freshers’ Week l-MKSU tagħti wkoll għajnuna spiritwali

“Freshers’ Week tagħtina l-opportunità niltaqgħu ma’ persuni li waslu fi stadji differenti fil-mixja tal-fidi.”
Dan kien wieħed mill-kummenti pożittivi li l-President tal-Moviment Kattoliku Studenti Universitarji (MKSU) Aayrton Muscat qal dwar Freshers’ Week li għaddejja bħalissa fl-Università.
Aayrton, li hu seminarista, hu nnifsu kien Freshers’ tal-MKSU f’Ottubru li għadda, u ftit ġimgħat wara beda jaħdem b’mod attiv fl-organizzazzjoni universitarja.
Sostna li wieħed mill-aspetti sbieħ tal-MKSU hu li tista’ tiltaqa’ ma’ nies differenti li lkoll ifittxu li jitkellmu u jaqsmu l-esperjenza personali tagħhom dwari il-fidi. Fost l-istudenti li marru fuq l-istand tal-MKSU huma persuni li għandhom ċerti dubju dwar Kristu u l-fidi u li qed ifittxu risposta għall-mistoqsijiet tagħhom.
Attività li ġibdet attendenza tajba kienet kompetizzjoni li organizza l-Moviment Kattoliku, fejn l-istudenti riedu jiktbu frażi waħda dwar xi jfisser għalihom Alla.
Il-President tal-MKSU qal li l-għan prinċipali tal-MKSU hi li tippromwovi l-valuri Kristjani fl-Università. Dan jinkludi wkoll, fost oħrajn, li jkunu t’għajnuna spiritwali f’ċerti deċiżjonijiet li l-istudenti jkollhom jieħdu.
Minkejja dan, Aayrton żied jgħid li l-MKSU mhix limitata biss għal attivitajiet spiritwali iżda torganizza wkoll attivitajiet soċjali bħalma huma mixjiet fil-kampanja. Pereżempju, ftit ġimgħat oħra biss l-organizzazzjoni se tkun qed torganizza hike għall-Freshers.
Freshers’ Week fl-Università bdiet nhar it-Tnejn li għadda u se tibqa’ sejra sa nhar l-Erbgħa li ġej. Hemmhekk wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet differenti tal-Università li jvarjaw minn dawk limitati għal fakultà partikolari sa dawk li jestendu għall-istudenti kollha, bħalma hi l-MKSU.