Awdjo: “Iż-żieda fis-sigurtà ma jfissirx li se joqtluk”

Martin Bugelli, Malti li jgħix u jaħdem Brussell qal li minkejja li hemm aktar sigurtà mis-soltu, m’hemmx sensazzjoni ta’ biża’, tensjoni jew twerwir.
Ma’ Newsbook.com.mt, Bugelli qal li “żieda fis-sigurtà ma jfissirx li se joqtluk, imma aktar attenzjoni, li biha tħossok aktar sigur.”
Semma kif minħabba li llum l-iskejjel fi Brussell ma fetħux, f’ħin il-break spikkaw ħafna tfal żgħar li marru x-xogħol mal-ġenituri tagħhom.
“L-atmosfera l-uffiċċju kienet aktar qisha ta' ħarġa tal-familja…” żied jgħid Bugelli.
Spjega li minkejja li jħoss li hemm iktar tensjoni u li s-sitwazzjoni mhix normali, ma tħossokx assedjat, imwerwer jew f’xi periklu.
Martin Bugelli tenna li mill-bogħod l-affarijiet jidhru li huma gravi aktar milli fil-fatt huma.  Filwaqt li qal li hi naturali li l-qraba tal-Maltin fi Brussell jinkwetaw, semma kif għalih huma jiem bħall-oħrajn u li mhux affettwat.  “Iżda kien hemm min għażel li minħabba l-allert ma jagħmilx dak li kellu ppjanat,” żied jgħid.
Semma kif fi tmiem il-ġimgħa l-ħwienet kienu kollha magħluqin fuq struzzjonijiet tal-awtoritajiet, minbarra ħanut wieħed.
“Morna nieħdu waffle minn Grand Place, ma kienx hemm nies daqs is-soltu, imma kollox trankwill.”
Qal li sar jaf bil-ħidma tal-pulizija wara li rċieva numru ta’ messaġġi minn Malta u li kien dak il-ħin li beda jsegwi l-aħbarijiet, fejn spikkaw avviżi lill-pubbliku biex jekk jaraw pulizija għaddejjin ma jiktbu xejn fuq Facebook.